Olandiż ta’ 19-il sena weħel multa ta’ €2,500 wara li nstab ħati li saq jet ski b’mod traskurat u li kkaġuna l-mewt ta’ sieħbu.
Il-każ imur lura għal festa ta’ Santa Marija fl-elfejn u tmintax, meta l-imputat, il-vittma u ħabib ieħor irħewlha għal bajja ta’ San Ġorg f’San Ġiljan.
Fil-Qorti ngħad li kienu qed isuqu l-jet skis meta seħħet ħabta bejn il-jet ski misjuq minn Gerrit Van Der Veen u dak ta’ Mart De Ruiter.
Mad-daqqa, De Ruiter waqa’ fil-baħar u tilef ħajtu.
Mill-awtopsja ħareġ li huwa miet wara li ġarrab ksur f’rasu.
Fil-Qorti ngħad ukoll li fil-lejl ta’ qabel l-inċident fatali, Der Veen xorob bejn għaxra u ħmistax-il flixkun birra qabel mar jorqod.
Għalkemm ma jirriżultax li l-imputat u sħabu xorbu l-alkoħol dakinhar tal-inċident fatali, irriżulta li l-imputat kellu traċċi ta’ alkoħol.