B’investiment ta’ tliet mija u għoxrin elf ewro se tiġi rriġenerata dar mitluqa fis-Siġġiewi sabiex fiha tilqa’ tfal b’diżabilità bejn il-ħames snin u l-erbatax-il sena, b’mod partikolari dawk li għandhom l-awtiżmu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Insaħħu lill-Ħaddiem, fejn fiha ġie spjegat li din id-dar, li se titmexxa mill-Aġenzija Sapport, se toffri spazju lil dawn it-tfal sabiex jintegraw ma’ tfal oħra u jsegwu programmi skont il-bżonnijiet u x-xewqat tagħhom.
Dan filwaqt li se jiġu mgħejjuna l-qraba u lil dawk li jieħdu ħsieb il-persuni b’diżabilità sabiex ikollhom ħin li fih ikunu jistgħu jistrieħu jew inkella minħabba sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Waqt żjara fuq il-post, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li permezz ta’ dan il-proġett se jservi ta’ spalla għall-familji b’tfal b’awtiżmu.
Innutat kif binja abbandunata se sservi għall-proġett ta’ fejda li se jagħmel differenza f’ħajjet it-tfal u l-ġenituri tagħhom.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif il-viżjoni għall-akkomodazzjoni f’pajjiżna qed tindirizza kemm l-isfidi ta’ djar abbandunati u dik ta’ djar speċjalizzati għal nies vulnerabbli.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-ħidma tal-Ministeru għall-akkomodazzjoni soċjali saħansitra tagħti l-importanza l-ħidma relatata mal-bżonnijiet ta’ dawn in-nies vulnerabbli.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li din il-binja se sservi bħala ċentru ta’ mistrieħ anki għall-ġenituri u għal dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità.
Il-Ministru saħqet fuq l-importanza li l-ġenituri jieħdu ħsieb tagħhom infushom.
Il-faċilitajiet ta’ din id-dar se jkunu qed jipprovdu spazju modern, speċjalizzat u attrezzat għal dawn it-tfal fosthom ukoll b’tagħmir ta’ teknoloġija assistiva.
Barra minn hekk, is-Support workers se jkunu fid-dar fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum u s-servizz ta’ respite mhux se jkun qed jinkludi biss l-aspett terapewtiku iżda wkoll attivitajiet soċjali u wkoll programmi maħsuba biex itejbu l-abilitajiet tat-tfal.