Kulma jmur l-irwol tat-teknoloġija diġitali fil-prattiċi tal-artisti fi ħdan is-settur kreattiv qed jieħu rwol aktar ċentrali.
Għal dan il-għan, tlettax-il proġett ta’ riċerka u żvilupp diġitali ser igawdu minn total ta’ mitejn elf ewro bħala parti mill-iskemi RESTART elfejn, wieħed u għoxrin li tnedew mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru José Herrera stqarr li l-ambjent kulturali dejjem jinbidel u għaldaqstant jagħmel lill-għodod diġitali indispensabbli llum il-ġurnata.
Huwa qal, “Din hija skema oħra minn ħolqa ta’ skemi mnieda mill-Kunsill Malti għall-Arti. L-iskema hija skema intiża biex nagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġija diġitali. Teknoloġija li tat frott kbir fi żmien il-pandemija.”
L-Assoċjat tar-Riċerka għall-Kunsill Malti għall-Arti, Neville Borg provda ħarsa lejn il-proġetti li se jiġu ffinanzjati li jinkludu diversi oqsma fosthom prattika artistika u l-involviment tal-udjenza.
Hu sostna fuq l-importanza li wieħed jinvesti fil-ħiliet diġitali fis-settur artistiku u kulturali.
Borg sostna: “Billi ninvestu f’dawn il-ħiliet inkunu nistgħu nwessgħu l-kapaċitajiet tagħna bħala settur kemm bħala l-entitajiet u organizzazzjonijiet kemm pubbliċi kemm privati kif ukoll volontarji li jaħdmu b’xi mod fis-settur imma anki l-ħiliet tal-artisti individwali jkunu jistgħu jespandu xogħolhom.”
Preżenti għall-konferenza stampa kien hemm ukoll id-Direttur għall-Fondi u l-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, li spjegat kif din is-sejħa rċeviet tmienja u għoxrin applikazzjoni.
Hi saħqet li din il-figura hija prova li s-settur kreattiv u kulturali qiegħed jirrispondi għall-ħtieġa ta’ proġetti diġitali.