Għal sena oħra żewġ skemi ta’ madwar mitejn elf ewro ser ikunu ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji u sportivi ġewwa Għawdex.
L-ewwel skema ta’ Assistenza għall-Organizzazzjonijiet mhux Governattivi ser tkun qed talloka total ta’ mija u għoxrin elf ewro.
Barra minn hekk, madwar ħamsa u sebgħin elf ewro oħra ser ikunu allokati fi skema għall-Promozzjoni ta’ Inizjattivi u Faċilitajiet Sportivi.
Iż-żewġ skemi ser ikunu qed jagħtu rifużjoni lura tal-ispejjeż minfuqa, bil-possibiltà li jekk il-fondi jkunu investiti kollha terġa’ tinfetaħ sejħa oħra dan sabiex l-għaqdiet volontarji interessati jwettqu proġetti fi żmien tnax-il xahar mid-data tal-ftehim.
Waqt it-tnedija ta’ dawn iż-żewġ skemi ġie innutat kif dawn l-iskemi huma eżempju ħaj tal-fiduċja li l-Gvern għandu fi ħdan l-għaqdiet volontarji f’pajjiżna, inkluż dawk f’Għawdex għax-xogħol siewi li dawn jagħmlu fil-komunitajiet tagħna.
Kien innotat ukoll kif matul is-sena 2021 applikaw madwar sebgħa u għoxrin għaqda volontarja u sportiva li flimkien gawdew minn madwar mija u tletin elf ewro.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm iħeġġeġ lill-għaqdiet kollha bbażati fil-gżira Għawdxija sabiex b’mod kollettiv permezz ta’ skemi ta’ dan it-tip ikomplu jtejbu s-servizz li joffru.
Il-Ministru Camilleri tenna, “U għaldaqstant inħeġġeġ lil għaqdiet volontarji kollha li għandna madwar il-gżira ta’ Għawdex sabiex japplikaw u jkunu jistgħu jibbenefikaw sabiex inkomplu fl-aħħar mill-aħħar intejbu l-faċilitajiet, intejbu l-inizjattivi madwar il-gżira ta’ Għawdex.”
Huwa nnota ukoll kif dawn l-inizjattivi jingħaqdu mal-investimenti li saru mill-Gvern f’dan is-settur f’Għawdex bħal dak li sar fiċ-Ċentru Akwatiku Sportiv, il-Korsa taż-Żwiemel u x-Shooting Range fost inizjattivi oħra.
L-għaqdiet huma mħeġġa jiksbu aktar informazzjoni fuq is-sit https://vofunding.org.mt/funds/99 tal-Ministeru għall-Għawdex https://mgoz.gov.mt/en/Pages/eForms/Pages%20Schemes%202022/Promotion-of-Sports,-Initiatives-.aspx.