Medda ta’ art abbundata, mifruxa fuq elf, mija u ħamsa u sittin metru kwadru, se tiġi riġenerata fi spazju rikreattiv aċċessibbli għal kulħadd fiż-żona ta’ Ġawhar Ħal Safi.
Il-proġett li ser isir b’invetiment ta’ mitejn elf ewro, ser ikun qed iħares l-ambjent bil-ħsieb li jinbena ġibjun taħt l-art biex jaħżen l-ilma tax-xita li jintuża għat-tisqija tal-istess ġnien.
Is-sistema tad-dawl li se tintuża se tħalli l-inqas effetti fuq l-ambjent, b’effiċjenza fil-konsum u titjib fis-servizz.
Saħansitra ser tintuża sistema ta’ battery storage, biex l-enerġija li tkun iġġenerata matul il-ġurnata ma tinħeliex u tintuża matul il-lejl.
Dan il-proġett li se jsir minn Parks Malta, se jassigura spazju rikreattiv b’żona għall-picnics u park għall-klieb.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Parks Malta, Adrian Attard tenna kif l-entità hija impenjata li taħdem ma’ aktar Kunsilli Lokali biex tkompli tipprovdi postijiet rikreattivi u ta’ kwalità għat-tgawdija tal-pubbliku inġenerali.
Is-Sindku ta’ Ħal Safi spjega kif ftit tax-xhur ilu kienet bdiet diskussjoni mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli sabiex iż-żona tkun riġenerata.
Johan Mula tenna, “Nemmnu illi dan il-proġett ħa jkun ta’ benefiċċju kbir għall-familji u għar-residenti mhux biss ta’ Ħal Safi imma anki tal-irħula tal-madwar għaliex ħa jservi ta’ rikreazzjoni u ta’ mistrieħ għalihom ukoll.”
Il-Ministru Miriam Dalli tenniet kif dan jgħaqqad mal-viżjoni għal żvilupp sostenibbli tal-Gvern li jibdel żoni abbandunati f’postijiet li jistgħu jitgawdew minn kulħadd.
Dalli stqarret, “Qegħdin naraw li nibdlu żona li kienet abbandunata u li ħafna drabi spiċċat tiġbor fiha skart li kien qed jintefa’ min-nies, biex issa nagħmlu park għall-familja kollha, park li għandu l-inqas impatt ambjentali.”
Ix-xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq il-proġett mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin.