Anthony Vella miż-Żejtun weħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li żamm klieb fi stat ta’ saħħa ħażina ħafna.
Il-każ imur lura għal nhar il-15 ta’ Mejju tal-2018 meta uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, għamlu spezzjoni fuq il-propjetà tal-imputat u sabu li kien hemm diversi ksur ta’ regolamenti fuq iż-żamma tal-annimali u sabu numru konsiderevoli ta’ klieb li kienu trattati ħażin u miżmuma f’stat ħażin.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia xehed Aaron Gatt, li huwa uffiċjal tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali, li xehed li ġewwa r-residenza ta’ Vella instabu madwar ħamsin kelb ta’ speċi differenti, li erbatax minnhom ma kinux irreġistrati, filwaqt li żewġt iklieb kienu rreġistrati fuq terzi persuni.
Gatt xehed li waqt din l-ispezzjoni ġie nnutat li kien hemm għadd ta’ klieb li kienu qed jinżammu magħluqin ġo gaġeġ fil-garaxx tal-imputat.
Il-Qorti ikkundannat lil Vella sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ għoxrin elf ewro u ordnat biex l-annimali kollha li kienu fir-residenza tal-imputat jaqgħu taħt il-kustodja ta’ Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.