Il-Gvern Franċiż alloka mitejn miljun ewro sabiex jeqred ammonti eċċessivi ta’ inbid li ġew prodotti filwaqt li jsostni lill-produtturi.
Dan l-iżvilupp wasal fi sfond ta’ nuqqas ta’ domanda għall-inbid hekk kif fost oħrajn il-birra partikolarment dik magħrufa bħala craft beer, żiedet fid-domanda.
Il-maġġoranza tal-mitejn miljun ewro se jkunu użati sabiex tinxtara l-ħażna żejda ta’ inbid sabiex dan umbagħad jinbieh biex l-alcohol fih jintuża għal affarijiet ta’ tindif, fwejjaħ u hand sanitisers fost oħrajn.
Il-flus se jiġu wżati sabiex jinċentivaw ukoll lill-produtturi tal-inbid jaqilbu għall-ipproċessar ta’ prodotti oħra bħaż-żebbuġ.
Analiżi mill-Kummissjoni Ewropea turi li fl-aħħar sena, il-konsum tal-inbid naqas b’7% fl-Italja, 10% fi Spanja, 15% fi Franza, 22% fil-Ġermanja u 34% fil-Portugal. Fl-istess ħin il-produzzjoni tal-inbid fl-Unjoni Ewropea żdiedet b’4%.