Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar numru ta’ inċentivi u skemi sabiex jgħin lin-negozji fl-irkupru mill-pandemija.
Dan waqt konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja, indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.
Il-Prim Ministru rrimarka l-isfidi li affaċċjaw in-negozji tul l-aħħar ġimgħat minkejja li issa bdejna mexjin lejn it-triq għan-normalità.
B’hekk tenna li dan il-Gvern qed iħabbar pakkett ta’ għajnuniet diretti li jammonta għal €20 miljun u li mhux biss se jgħin lin-negozji iżda anki se jsaħħaħ lill-ħaddiem.
Dr Abela stqarr: “Illum qed inħabbru pakkett ta’ għajnuniet diretti li jammonta għal €20 miljun oħra. Fl-istess ħin €78 miljun f’tax credits li setgħu jintilfu se nestendulhom t-terminu tal-validità tagħhom sabiex jibqgħu jiġu utilizzati min-negozji.”
Fil-fatt, spjega kif dawn it-tax credits se jkunu estiżi għat-tliet snin li ġejjin sabiex jiġi assigurat aktar likwidità lill-8,861 negozju li qed igawdu minn dan il-benefiċċju.
Il-Prim Ministru rrimarka kif dawn l-inċentivi se jkollhom żewġ għanijiet primarji.
Dr Abela sostna: “L-inizjattivi li qed inħabbru llum għandhom żewġ għanijiet, li nassistu u li ninċentivaw l-investiment.”
Min-naħa tagħha l-Ministru Miriam Dalli spjegat l-għajnuniet li se jkun qed jinvolvi l-pakkett ta’ €20 miljun.
Apparti għotja ta’ €1,000 għal dawk in-negozji li se jibqgħu magħluqin wara l-10 ta’ Mejju, il-Ministru Dalli ħabbret l-estensjoni tal-iskema tal-Malta Enterprise li tgħin fil-ħlas tal-kirjiet u l-kontijiet tad-dawl.
Il-Ministru Dalli qalet, “Nestendu l-għajnuna fuq il-kirjiet b’50% oħra ma’ dak li diġà ħallas fl-iskema tas-sena li għaddiet. Din l-estensjoni fil-fatt se tapplika għal dawk in-negozji kollha li jirċievu s-suppliment tal-paga.”
Dwar l-għajnuna fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Ministru Dalli spjegat li din se tibqa’ tingħata għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju u Awwissu u s-sussidju se jkopri sa massimu ta’ 50% tal-kont tagħhom.
Intant bħala parti minn dan il-pakkett ta’ għajnuna tħabbru inċentivi biex tiġi stimulata l-ekonomija ta’ pajjiżna u timbotta ‘l quddiem ir-riġenerazzjoni tan-negozji.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif l-iskema magħrufa bħala ċ-Change to Grow, qabel magħruf bħala l-Business Re-engineering and Transformation scheme, issa se tkun qed toffri għajnuna doppja minn €5,000 għal 10,000.
Spjegat ukoll kif l-iskema Restart se tgħin negozji jerġgħu jqumu fuq saqajhom wara li esperjenzaw tnaqqis fl-attività kummerċjali.
Dr Dalli saħqet, “B’din l-iskema se nkunu qed ngħinu biex niffinanzjaw sa €5,000 għal servizz ta’ advisory li mbagħad wara jista’ jirdoppja għal €10,000 fil-fażi tal-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva kummerċjali.”
Permezz tal-Malta Enterprise se jiġi varat ukoll programm speċjali li joffri għajnuna psikoloġika minn esperti u professjonisti lil imprendituri li għaddew minn żmien diffiċli jew tilfu n-negozji tagħhom.
L-aħħar skema magħrufa bħala l-ismart and sustainable Investment scheme se tkun qed tistimula l-investiment minn kumpaniji f’setturi differenti lejn ekonomija aktar sostenibbli, diġitali u ħadra.
Fil-fatt permezz ta’ din l-iskema, negozji u kumpaniji se jirċievu għajnuna sa massimu ta’ €50,000. Dawk li jinvestu f’Għawdex se jkunu qed jingħataw aktar għotjiet finanzjarji bil-quddiem.
Kull min jixtieq aktar informazzjoni fuq dawn l-iskemi u inċentivi jista’ jagħmel dan billi jżur is-sit tal-Malta Enterprise regeneration.maltaenterprise.com jew iċempel lill-Business First fuq in-numru 144.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/27/il-kamra-ghan-negozji-z-zghar-u-medji-tinnota-li-l-iskemi-mhabbra-mill-gvern-se-jaghtu-appogg-lin-negozji/
https://www.one.com.mt/2021/04/27/l-mhra-tilqa-l-ahhar-pakkett-tghajnuna-te20-miljun-imhabbar-mill-gvern/