Il-Gvern nieda fondi li jammontaw sa €20 miljun, immirati biex jgħinu lin-negozji jagħmlu titjib b’tali mod li n-negozju tagħhom isir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Dawn il-fondi huma parti mill-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza għal Malta.
Din l-iskema ma tkoprix il-bini ta’ binjiet ġodda jew estensjonijiet iżda rinnovar f’binjiet diġà eżistenti u retrofitting. Kull applikazzjoni tista’ tgawdi minn sa massimu ta’ miljun ewro.
Il-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza għal Malta jidentifika numru ta’ investimenti u riformi li se jiġu ffinanzjati minn fond ta’ €257 miljun allokati għal Malta, €20 miljun minnhom proprju għal din l-iskema mħabbra.
Il-Ministru responsabbli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, spjega li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi ta’ rkupru huma mmirati biex ikollhom effett immedjat. Għaldaqstant, il-proġetti kollha taħt dawn il-fondi, bl-għan li jappoġġjaw aktar l-ambjent, irridu jkunu ġew iffinalizzati sa Diċembru tas-sena 2025.
Schembri qal, “Hawnhekk qed nitkellmu fuq assistenza għal retrofitting sabiex binjiet eżistenti u l-operat tan-negozji tagħna jiġi aktar energy efficient bl-investiment li jkun qed isir, u din il-miżura qiegħda proprju biex tħares l-effiċjenza aktar fit-tul sabiex tara li dak li nagħmlu nagħmluh b’mod aktar effiċjenti u b’hekk insiru aktar reżiljenti.”
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li din l-iskema hija immirata biex il-kumpaniji jwettqu investiment fil-binjiet tagħhom biex isiru aktar kompetittivi u jsiru aktar reżiljenti għall-isfidi tal-futur.
Huwa tkellem ukoll dwar il-persentaġġ ta’ għajnuna li toffri din l-iskema, li jiddependi fuq id-daqs tal-kumpanija.
Bonnett stqarr, “Ovvjament, kull negozju skont il-kobor tiegħu se jkollu l-opportunità jieħu fondi skont il-kobor ta’ dak in-negozju u minn hemmhekk, imbagħad, inkunu nistgħu naraw li min ikollu binjiet antiki li forsi qed jaħlu d-dawl, hemmhekk naraw li dawn il-binjiet jiġu f’sitwazzjoni fejn niffrankaw il-flus għan-negozji tagħna u nġibuhom aktar effiċjenti, però din id-darba b’mod ambjentali.”
Din l-iskema tiftaħ fl-ewwel ta Lulju u se tilqa’ l-applikazzjonijiet fuq perjodu ta’ 3 xhur.