Is-settur turistiku, wieħed mill-pilastri ekonomiċi għall-pajjiżna, se jkun mgħejjun minn programm ta’ inċentivi finanzjarji maħruġa mill-Gvern li jammontaw għal għoxrin miljun ewro.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-pjan ta’ rkupru għas-settur turistiku wara pandemija li laqtet fil-fond dan il-qasam.
Dawn il-fondi se jitqassmu f’diversi skemi li se jitħabbru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu; fosthom fond ta’ riżerva bħala għajnuna għas-settur tad-divertiment u l-festivals lokali.
Niċeċ turistiċi oħra bħal dawk sportivi wkoll se jgawdi minn għajnuna.
Fl-istess konferenza l-Ministru Bartolo ħabbar illi mill-ewwel ta’ Ġunju li ġej, pajjiżna se jibda jilqa’ l-ewwel turisti mis-swieq Ewropej u mir-Renju Unit, filwaqt li diġà ġew ikkonfermati 34 talba biex cruiseliners jidħlu fil-Port il-Kbir.
Din id-deċiżjoni saret bil-kunsens tal-awtoritajiet tas-saħħa hekk kif huwa mistenni li fil-bidu ta’ Ġunju, ir-rata tat-tilqim f’pajjiżna u anke fil-pajjiżi Ewropej se tkun aħjar minn kif inhi illum. Il-Ministru għat-Turiżmu qal illi l-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tħaddem il-passaport tal-vaċċin.
Huwa qal ukoll li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bilaterali mar-Renju Unit dwar l-ivvjaġġar.
Il-Ministru Bartolo stqarr: “L-għan tagħna huwa dawk li dan il-pjan ikun wieħed responsabbli u ffukat sabiex b’hekk b’deċiżjonijiet responsabbli u b’miżuri effettivi nkomplu nsibu bilanċ tant importanti illi sibna matul ix-xhur li għaddew, iżda aktar minn hekk nibdew naraw li din l-industrija tirkupra u tkompli timxi ‘l quddiem.”
Il-Ministru għat-Turiżmu qal illi l-ħidma matul il-pandemija ma’ waqfitx. Huwa saħaq illi l-konnettività hija l-pulmun għat-turiżmu, tant illi 18-il linja tal-arju – li erbgħa minnhom huma ġodda – se jtiru minn u lejn pajjiżna. Fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom tal-pandemija, pajjiżna għandu 70% tar-rotot li kellna fl-2019, u dan għaliex il-ħidma kompliet għaddejja.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/30/il-kamra-tan-negozji-zghar-u-medji-tilqa-l-ahbar-dwar-l-incentivi-finanzjarji-ghas-settur-turistiku/
https://www.one.com.mt/2021/03/30/l-mhra-hija-sodisfatta-bil-pjan-ta-rkupru-ghas-settur-turistiku-fpajjizna/