Ġiet imnedija skema ta’ għoxrin miljun ewro ta’ fondi ewropej għan-negozji u intrapriżi liema skema se tgħinhom billi jinvestu fil-qasam tar-riċerka, żvilupp, teknoloġija u innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrgia appella lill-innovaturi Maltin biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi biex ikomplu jibnu l-ekonomija u s-soċjetà Maltija għall-futur. Din hija skema li se tindirizza erba miżuri ewlenin li huma studju, implimentazzjoni ta’ proġetti, investiment f’infrastrutturi ta’ riċerka u innovazzjoni.
L-iskema ġiet imnedija fil-presenza tal-Kamra tal-Kummerċ. Bil-President tal-Kamra tal-Kummerċ Frank Farrugia kellu kliem pożittivi għal mod ta’ kif skemi bħal dawn se jgħinu lin-negozji.
Is-segretarju parlamentari għall-fondi ewropej Aaron Farrugia qal li l-gvern huwa impenjat li jkompli jgħin lin-negozji f’pajjiżna.
Fisser kif l-oqsma tar-riċerka, żvilupp u innovazzjoni huma l-futur u huma kruċjali mhux biss għall-ekonomija maltija imma globalment.
Dr Farrugia qal li l-valur miżjud ta’ din l-Iskema hu li l-intrapriżi jisfruttaw il-potenzjal tat-tkabbir tagħhom bħala riżultat taż-żieda fil-kompetittività permezz tal-involviment fir-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Innovazzjoni.