Permezz ta’ żewġ miljun ewro, Jobsplus se tkun qiegħda tħarreġ u tgħallem lill-ħaddiema f’Malta dwar xogħolijiet fi swieq ġodda. Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarjiet fejn ġie mniedi l-proġett Intercept, liema proġett huwa mmirat li joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ qiegħda.
Malta hija fost is-sitt pajjiżi Ewropej li se jieħdu sehem fih, fosthom il-Lussemburgu u l-Italja.
Il-proġett Intercept għandu ħames prijoritajiet, fost l-oħrajn l-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali, u emfasi kbira fuq l-ambjent, biex ix-xogħolijiet ikunu wkoll aktar sostenibbli.
Amber Darmanin, li se tkun qed tmexxi dan il-proġett f’isem il-Jobsplus, spjegat kif apparti li jagħti l-opportunitajiet, dan il-proġett għandu aktar miri.
Hija qalet, “Huwa l-ewwel darba li pajjiżna permezz ta’ Jobsplus se jkun qed imexxi proġett flimkien ma’ ’l fuq minn ħames pajjiżi taħt dawn il-fondi. Apparti minn hekk se jgħinna niksbu għarfien fuq x’inhuma ‘green skills’, jiġifieri se jkun hemm studju fuq dan il-qasam, u xi jfissru dawn il-ħiliet fl-isfond tas-suq tax-xogħol tagħna.”
Darmanin spjegat kif permezz ta’ fondi, il-pajjiżi msieħba se jiġbru l-ħiliet tal-ħaddiema li jiżviluppaw maż-żmien, li fl-aħħar mill-aħħar se tirriżulta f’forza tax-xogħol aktar b’saħħitha u mħejja aħjar.
Hija sostniet li għaż-żgħażagħ qiegħda, Intercept se jfisser futur f’oqsma ġodda: “Se nkunu qed noffru għarfien ta’ xi nhuma dawn is-swieq ġodda, xi nhuma dawn il-ħiliet, u ovvjament se nkunu qegħdin noffru taħriġ speċifiku f’dawn il-ħiliet ġodda.”