B’investiment ta’ €2 miljun il-Valletta Cruise Port u s-sidien tal-istabbilimenti fil-Waterfront tal-Belt komplew isebbħu d-dehra tal-post.
Dan hekk kif fin-nuqqas ta’ negozju minħabba l-Covid-19, ittellegħu tined moderni, prattiċi u avvanzati li filwaqt li jirrispettaw l-aspett storiku tal-post jinkorporaw l-eżiġenzi tal-preżent tiegħu.
Dan ħareġ waqt żjara mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg lit-tmexxija tal-Valletta Cruise Port.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port Stephen Xuereb spjega kif is-sena li għaddiet, il-port tal-Belt Valletta tgawda minn 900,000 passiġġier li żaru pajjiżna permezz tal-cruisliners.
Huwa stqarr: “Ta’ min ifakkar li s-sena l-oħra dan il-post ġie gawdut minn 900,000 passiġġier li ġew abbord il-cruisliners kif ukoll għandna konkorrenza tajba mil-lokal li jiġu hawnekk bi ħġarhom mal-familji mal-ħbieb biex igawdu r-restaurants f’ambjent li huwa sinonimu mal-Valletta Waterfront.”
Il-Ministru kellha kliem ta’ tifħir għall-mod li bih it-tmexxija tal-post dawwret perjodu ta’ waqfien min-negozju f’wieħed ta’ sfida biex ikomplu jsaħħu l-istess negozju filwaqt li jkompli jitjieb il-prodott turistiku.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet: “Dan l-investiment ta’ €2 miljun mill-Valletta Cruise Port ċertament ikompli jtejjeb il-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Huwa l-ewwel impatt, l-ewwel merħba li ser jingħata t-turist meta jasal f’pajjiżna permezz tal-cruiseliners u ċertament dik l-ewwel dehra se tħalli l-impatt fuq it-turist li jżurna.”