B’nefqa ta’ żewġ miljun ewro, il-Gvern nieda servizz ġdid tal-home help li se twassal biex l-anzjani kollha jingħataw servizz ta’ kwalità aħjar u li jgħinhom jibqgħu jgħixu fil-komunità.
F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mosta tħabbar li mill-bidu tas-sena d-dieħla, l-anzjani se jkunu jistgħu jagħżlu persuna tal-fiduċja tagħhom sabiex tagħmlilhom xi faċenda fid-dar jew biex tmur tixtrilhom il-ħtiġijiet tagħhom. Il-helper se jitħallas ħames ewro u ħamsin ċenteżmu għal kull siegħa approvata.
Ir-riforma fis-servzzi se tindirizza n-nuqqas ta’ helpers bla ma tintmess il-kwalità b’żieda fin-nefqa ta’ nofs miljun ewro iktar fis-sena/ L-anzjani li jinsabu fuq l-iskema l-antika se jiġu offruti l-opportunità li jaqilbu għal din l-iskema l-ġdida matul is-sena d-dieħla.
Il-Kap Eżekuttiv għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo de Gabriele, assigura l-ogħla standards hekk kif il-helper se jibqa’ jiġi assessjat mill-bord.
Qal ukoll li r-riforma se tħalli lill-anzjani iktar flus fil-but.
Aħna nagħtu €5.50 għal kull siegħa li jiġi approvat mill-Home Help Board għaliex nixtieq infakkar li l-assessments se jibqa’ għaddej. Aħna l-applikazzjoni kif tidħol jiġi assessjata, jitla’ quddiem il-Home Help board u jara l-każ u jiddeċiedi l-mertu tal-każ. Wara li jkun ġie approvat is-sigħat aħna noffru l-anzjani l-possibilita li jagħżlu l-home helper tagħhom u nagħtuhom 5.50 għal kull siegħa li jagħmlu u ma jħallsux ukoll il-kontribuzzjoni ta’ €2.33.
Mis-servizz tal-home help igawdu madwar 4,000 anzjan u persuni li għandhom inqas minn sittin sena li jbatu b’mard serju jew diżabilità.
Tessie Cannataci, anzjana li tagħmel użu mis-servizz spjegat kif dan hu ta’ għajnuna kbira għaliha.
Jiena nsibu tajjeb. Jgħamilli kollox f’daqqa, l-art. Darba fix-xahar jagħmilli l-ħġieġ. Jista’ jixtrili, jista’ jġibli l-mediċini.
Ir-riforma jidher li ħajret ukoll lil Cettina Camilleri ta’ 91 sena biex tirrikorri għal dan is-servizz, hekk kif tgħix ma’ bintha li wkoll hi anzjana.
L-ewwel darba li se nġibu għax kont inġib xi ħadd darba kull xahar u nofs u ma jistax ikun. Jiena għandi 91 sena u t-tifla għandha 67 u ma tiflaħx lanqas.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis spjega li riformi li diġa saru fis-servizz raw il-lista ta’ stennija tinżel minn ħames mitt anzjan għal mitejn u għaxra.