Sidien ta’ proprjetajiet private u organizzazzjonijiet volontarji li għandhom binjiet fiċ-ċentri tal-ibliet fejn il-livelli ta’ traffiku huma ogħla min-normal, jistgħu jgawdu minn skema ta’ restawr tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Għal din l-iskema hemm ivvutati żewġ miljun ewro.
“Irrestawra l-Faċċata” ser tkun qed talloka massimu ta’ €10,000 għal kull residenza li jkopru t-total kollu tal-ispejjeż u għalhekk dawk li se jgawdu mhu se joħorġu xejn mill-but.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema, ‘Gvern għan-Nies’ ċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba qal kif grazzi għal din l-iskema l-faċċati tar-residenzi jistgħu jkunu ppreservati b’mod aħjar u ma jesperjenzawx deterjorament eċċessiv.
Huwa spjega kif peress li din l-iskema ser tkun mħallsa direttament mill-Awtorità tal-Ippjanar ser jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet wara li l-applikazzjoni tkun milqugħa biex b’hekk jibda x-xogħol.
Saliba stqarr: “Ħa jkun hemm bżonn li jsir ftehim bejn il-partijiet u dan minħabba li l-Awtorità din id-darba ħa toħroġ il-flus hi dirett lill-kuntrattur li ħa jagħmlu x-xogħol. Dan biex ukoll nassiguraw kontabilità u anki trasparenza fil-proċess.”
Preżenti għall-konferenza kien hemm Sindki mil-lokalijiet li fihom hemm toroq magħżula għal din l-iskema. Dawn jinkludu toroq traffikużi fl-Imsida, fil-Ħamrun, f’Santa Venera, f’Birkirkara, fil-Marsa, f’Ħal Tarxien, f’Raħal Ġdid u fir-Rabat, Malta.
Il-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar, Aaron Farrugia sostna kif din l-iskema hija waħda minn sensiela intiżi direttament għar-residenti biex jissebbaħ l-ambjent anki f’żoni urbani.
Huwa qal, “Dan huwa l-mod ta’ kif qed insebbħu lill-pajjiż, qed naraw investiment imur dejjem lejn dawn iż-żoni permezz ta’ diversi skemi, “Irrestawra Darek”, “Green your Building” u din id-darba żewġ miljun ewro lejn l-iskema “Sebbaħ il-Faċċata.”
L-Awtorità tal-Ippjanar ser tkun qed tilqa’ l-applikazzjonijiet għal din l-iskema sal-aħħar ta’ Settembru.