Dalgħodu 38 kunsill lokali ngħataw fondi sabiex iwettqu proġetti kapitali fil-lokalitajiet tagħhom.
Fil-fatt, f’din it-tieni skema maħruġa mill-Gvern, il-Kunsilli Lokali se jieħdu bejniethom maż-żewġ miljun u seba’ mitt elf ewro.
Waqt it-tqassim tal-fondi, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ikkummentat li, permezz ta’ dawn il-fondi, il-kunsilli se jkunu qed jagħmlu proġetti li jtejbu l-ħajja tan-nies li jgħixu fil-komunitajiet tagħhom.
Hija rreferiet ukoll għall-istrateġija nazzjonali f’għeluq it-30 anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, li se titnieda f’Marzu li ġej.
“Din is-sena l-Kunsilli Lokali se jkunu qed jiċċelebraw it-tletin sena mit-twaqqif tagħhom. Tletin sena kienu biżżejjed sabiex nitgħallmu u ntejbu s-sitwazzjoni fil-Kunsilli Lokali. Għaldaqstant, il-Gvern Ċentrali nieda proċess ta’ konsultazzjoni sabiex ikompli jisma’ mingħand dawk direttament involuti: sindki, kunsillieri, segretarji eżekuttivi, u dawk kollha li jaħdmu viċin il-kunsilli lokali, sabiex l-istrateġija nazzjonali tal-Gvern Lokali tkun verament tagħhom, ħalli flimkien naraw fejn irridu naslu u kif se naslu.”