Il-Gvern se jalloka żewġ miljuni u ħames mitt elf ewro fi skema li se tgħin lil madwar seba’ mitt raħħal jikkumpensaw id-diffikultajiet finanzjarji li ħabbtu wiċċhom magħhom minħabba l-imxija tal-COVID-19.
Din l-iskema tfisser li l-Gvern se jkun alloka mal-erba’ miljun ewro għar-raħħala f’settur li affaċċja diversi sfidi fl-aħħar xhur.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri spjega li din l-iskema hija maħsuba biex kulħadd jieħu xi tip ta’ għajnuna minħabba t-tbatijiet li ġabet magħha l-pandemija.
Spjega li, “Illum qed iniedu żewġ miljuni u nofs Ewro sabiex jibbenefikaw madwar seba’ mitt raħħal minn diversi setturi, kemm dawk li jrabbu l-fniek, it-tiġieġ, tal-ħalib u tal-majjal, tista’ tgħid is-setturi kollha li għandna f’Malta u Għawdex.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo spjega li n-nuqqas ta’ domanda għall-prodott frisk minħabba l-pandemija ġab ħerba għall-għixien tar-raħħala.
Qal li, “Illum qegħdin inħabbru li lil dan is-settur qegħdin intuh mhux inqas minn żewġ miljuni u nofs biex jagħmel tajjeb għall-effetti tal-pandemija sabiex b’hekk dan is-settur jibqa’ robust u reżiljenti għal sfidi fil-futur.”
L-għajnuna diretta ta’ din l-iskema se tinħadem abbażi tal-ammont ta’ annimali eliġibbli li għandu r-raħħal.
L-applikazzjonijiet se jintbagħtu bil-posta lil dawk kollha eleġibbli, u dawn għandhom jibagħtuhom lill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali sat-tletin ta’ Novembru.