Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret xogħol f’diversi toroq f’Għawdex li jammonta għal żewġ miljun ewro u nofs.
Il-Ministru Caruana qalet li permezz ta’ ‘Proġett Għawdex – toroq fil-lokalità tiegħek’, Għawdex qed jara titjib sostanzjali fl-infrastruttura. Fakkret li fil-baġit tas-sena d-dieħla, Għawdex ingħatalu vot ta’ għaxar miljun ewro u li dan il-vot hu żieda qawwija meta mqabbel mal-vot li kien jingħata Għawdex fil-passat.
“Il-programm ta’ xogħlijiet li qed inħabbru llum hu parti minn programm ta’ xogħlijiet biex tiġi indirizzata l-isfida tal-infrastruttura f’Għawdex”, qalet il-Ministru Caruana. “Din id-darba wkoll adottajna l-istess proċess fejn it-toroq magħżula ġew identifikati wara laqgħat li saru mal-kunsilli lokali Għawdxin biex verament nindirizzaw il-bżonnijiet tar-residenti”, qalet il-ministru.
“Dan l-investiment ta’ żewġ miljun ewro u nofs hu sinjal ċar tal-impenn tal-gvern biex jinbnew mill-ġdid toroq li ilhom snin abbandunati u dan qed nagħmluh biex f’Għawdex ikollna toroq siguri u ta’ kwalità li jitgawdew kemm mir-residenti kif ukoll minn dawk li jżuru gżiritna”.
It-toroq li se jsiru permezz ta’ din l-inizjattiva huma:
Fontana: Triq tal-Għajn, Għarb: Triq tal-Virtù, Għasri: Triq Wied Sara, Kerċem: Triq Għajn Tuta u Triq il-Gamiem, Nadur: Triq ir-Ramla, Qala: Triq il-Kunċizzjoni, Xagħra: Triq Marsalforn, Xewkija: Triq il-Kbira.
Dan flimkien ma’ xogħlijiet oħra li l-Ministeru għal Għawdex se jimbarka fuqhom fix-xhur li ġejjin, ewlenin fostom il-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Imġarr fin-Nadur u ta’ Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem, liema proġett hu wieħed maġġuri, kif ukoll it-triq li mir-Rabat twassal sa Marsalforn, liema triq għandha tul ta’ madwar 4 kilometri. Dan flimkien ma’ xogħol ieħor imħabbar diġà fuq iktar toroq u pjazez bħala parti minn ‘Proġett Għawdex -toroq fil-lokalità tiegħek’.