Il-gvern reġa’ ġedded u introduċa numru ta’ skemi finanzjarji li kif kienu imwiegħda fil-budget se jinċentivaw il-qalba fil-kultura tat-trasport għal waħda iżjed sostenibbli.
Permezz ta’ skema ġdida li għaliha l-gvern se jalloka €100,000, se tingħata għotja ta’ €800 meta jsir upgrade fil-vettura minn livelli ta’ emissjonijiet b’Euro standards baxxi (€3 jew inqas) għal €5. Il-konverżjoni hija msejħa Dual Diesel Fuel (DDF) li tuża kemm diesel u petrol fl-istess ħin.
Wara li s-sena l-oħra il-gvern investa kwazi €2 miljun favur scrappage ta’ karozzi li jniġġsu l-arja u x-xiri ta’ vettura li tniġġes inqas, din is-sena l-gvern qed jalloka €1.5 miljun . Għal din l-iskema huma eliġibbli vetturi ġodda tal-kategorija M1 jew Hybrid M1. Hawnhekk l-għotja tvarja minn waħda ta’ €800 għal €2,000.
Skema oħra hija b’allokazzjoni ta’ €600,000 ddedikata għal vetturi elettriċi. Hawnhekk, xi ħadd li jiscrappja karozza u jibdilha b’karozza M1 jew N1, dan jingħata €7,000. Dan filwaqt li jekk ma jiskrappjax vettura oħra iżda jirreġistra waħda elettrika ġdida dan jingħata €6,000. Kumpaniji kummerċjali li jagħżlu li jibdlu l-flotta tagħhom għal waħda elettrika wkoll huma intitolati għal għotja ta €200,000.
Skemi oħrajn jinkoraġġixxu li wieħed jibdel fjuwil li tieħu l-karozza għal wieħed sostenibbli kif ukoll taxis u vetturi misjuqa minn xufier ġdid li huma aċċessibbli għas-siġġu tar-roti. B’allokazzjoni ta’ €80,000, l-gvern se jagħti għotja ta’ massimu ta’ €25,000 lil dawk kollha li jinvestu għal apparat sabiex isewwu u jagħtu service lil vetturi elettriċi.