B’investiment ta’ żewġ miljuni u ħames mitt elf ewro għaddej xogħol ta’ restawr fuq il-mina l-antika tal-ferrovija li tinsab taħt il-binja tal-Parlament. Dan il-proġett qed isir mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, fejn bħalissa għaddej bini fuq struttura biex jiżdiedu l-faċilitajiet fil-binja tal-Parlament.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg innota kif il-gvern huwa kommess li jinvesti fl-infrastruttura ta’ kull tip. Il-Ministru Borg qal kif dan il-proġett huwa maqsum fuq żewġ binarji, l-ewwel dak ta’ restawr u l-konservazzjoni tal-wirt arkitettoniku u storiku u t-tieni dak ta’ faċilitajiet ġodda għall-ħidma amministrattiva.
Min-naħa tiegħu l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal kif f’din il-parti tal-binja ser ikun hemm il-librerija tal-Parlament, l-arkivji, kmamar oħra tal-kumitati, kif ukoll uffiċini għal-librara u r-riċerkaturi. L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti qal li x-xogħlijiet se jkunu konklużi sal-aħħar tas-sena.
Ix-xogħol li għaddej bħalissa jinkludi struttura tal-ħadid ankrata biex biex tiflaħ is-sular ta’ fuqha u se tiġi miżbugħa b’żebgħa apposta kontra n-nar.
Il-faċilitajiet se jinkludu kamra tal-konferenzi, uffiċċju tar-riċerka, kamra tal-arkivji bi xkaffar motorizzat, librerija, uffiċini u faċilitajiet oħra.
![pr201529a](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/08/18012629/pr201529a-585x406.jpg)
![pr201529b](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/08/18012625/pr201529b-585x406.jpg)
![pr201529c](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/08/18012619/pr201529c-585x406.jpg)
![pr201529d](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2020/08/18012614/pr201529d-585x407.jpg)