Is-Sinjura Michelle Muscat, chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, ħabbret li fl-għuma South To Port ta’ nhar il-25 ta’ Ġunju, s’issa nġabret is-somma ta’ €190,000. Dan minbarra donazzjonijet oħra li għadhom iridu jingħaddu. Esprimiet gratitudni u sodisfazzjon, hekk kif b’dawn il-fondi, l-Fondazzjoni Marigold tista’ tkompli taqdi dmirha.
Intant, mart il-Prim Ministru żaret il-Fondazzjoni Oasi, fir-Rabat Għawdex. Dun Manuel Cordina, direttur tal-Fondazzjoni, qal li din id-dar ilha miftuħa 25 sena, u minn dak iż-żmien ’l hawn il-problema tad-dipendenza fuq id-droga żviluppat.
Din id-dar toffri kenn residenzjali għal min ikun irid jirrijabilità ruħu, permezz ta’ programm intensiv ta’ 12-il ġimgħa. Hemm ukoll għajnuna li tingħata, u li mhux residenzjali. Din iddum aktar, anke sena. Għal min ikun residenti, hawn 15-il sodda, u bħalissa 10 minnhom huma okkupati.
Dun Manuel spjega li ma tingħatax għajnuna biss lil min ikun dipendenti, iżda anke lill-familji tagħhom. Sabiex jagħtu din l-għajnuna huma impjegati 11-il ħaddiem full time, 8 part time, u 5 bis-sigħat imnaqqsa. Hemm ukoll 30 voluntier attiv.
L-għajnuna ma tingħatax biss lil dawk dipendenti mid-droga, iżda anke lil dawk dipendenti fuq affarijiet oħra, bħax-xorb.
Il-maġġoranza jkunu nies b’livell ta’ IQ għoli, u jkunu nies sensittivi ħafna. Tant hu hekk li wara, dawk li jkomplu jistudjaw, aktarx jiksbu gradi akkademiċi għolja.