Fil-gżira tat-tliet għoljiet, tħabbar li sitt għaqdiet u kumpaniji se jibbenifikaw minn mija u disgħin elf ewro permezz tal-iskema MICE sabiex jirrestawraw is-swali tagħhom.
Dan l-investiment huwa mmirat lejn il-kreazzjoni ta’ niċċa ekonomika ġdida fil-gżira Għawdxija, liema niċċa tattira avvenimenti u fieri lejn l-istess swali.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri sostna li dawn il-proġetti se jkollhom nefqa totali ta’ madwar tliet mija u tmenin elf ewro, fejn nofshom se jiġu ffinanzjati mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-iskema MICE.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Għandna sitt għaqdiet non governmentali u anke mis-settur privat li qegħdin jinvestu sabiex itejjbu s-swali tagħhom biex ikunu jistgħu jilqgħu xejn inqas minn mija u ħamsin persuna f’kull lok. Dan propju qed isir bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex fejn ser ikun qed jiffinanzja ħamsin fil-mija ta’ din l-ispiża kollha.”
Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fil-Ministeru għal Għawdex Ronald Sultana, tenna li s-sitt applikazzjonijiet li bbenifikaw minn din l-iskema, kienu l-aktar eliġibbli minħabba l-kobor tas-swali tagħhom.
Fost is-sitt kumpaniji u entitajiet li se jibbenifikaw hemm il-Lukanda Kempinski f’San Lawrenz, in-Nadur Teen & Youth Centre u s-sala tal-Banda tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Żebbuġ.
Il-Ministru Camilleri fakkar kif din l-iskema ġiet imħabbra sena ilu f’nofs pandemija, u dan juri l-impenn tal-Ministeru u l-Gvern biex ikunu ta’ spalla lill-għaqdiet u kumpaniji Għawdxin.