Bil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika l-Gvern se jagħti medja ta’ €18,000 f’għajnuna diretta lin-negozji li jiftħu u joperaw.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ta’ Għada Aħjar, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li fit-tliet xhur li ġejjin, il-Gvern alloka €200 miljun biex jiġu investiti fl-intrapriżi u n-negozji.
Il-Ministru Schembri fakkar kif wara dan il-pjan strateġiku, f’Ottubru illi ġej, il-Gvern se jippreżenta budget.
Il-Ministru Silvio Schembri elenka uħud mill-miżuri li bihom n-negozji se jkun jaqbilhom li jiftħu għax se jieħdu f’għajnuna medja ta’ erba’ darbiet aktar minn dawk li ma jiftħux.
Huwa semma l-estensjoni fl-għajnuna tal-ħlas ta’ pagi, għajnuna għal kirjiet, rifużjoni ta’ ħamsin fil-mija fil-kontijiet ta’ dawl, rifużjoni fil-ħlas tal-liċenzja kummerċjali u għotjiet fi krediti tat-taxxi.
Il-Ministru stqarr, “Dan juri li l-gvern irid jippremja u min se jiftaħ se jieħu erba’ darbiet aktar milli jibqa’ magħluq.”
Il-Ministru Silvio Schembri qal li wara li tħabbar dan il-pjan, b’injezzjoni ta’ disa’ mitt miljun ewro, żdiedet l-enerġija fost in-negozji.
Hu saħaq, “Kien hemm enerġija kbira, qed jerga jaraw li morru lura għan-normalu l-gvern qiegħed hemm biex nirrpiljaw.”
Dwar il-vouchers ta’ mitt ewro li se jirċevuhom persuni tal-fuq minn sittax-il sena biex jintefqu f’negozji u postijiet ta’ akkomodazzjoni turistika, il-Ministru Silvio Schembri qal li l-pubbliku se jirċievi dawn il-vouchers permezz ta’ posta rreġistrata.
Il-pubbliku irid jiffirma għal dawn il-vouchers li se jaslu fil-jiem li ġejjin sabiex ma jkunx hemm abbuż. Qal ukoll li l-vouchers ħa jkun b’kuluri partikolari biex juri fejn u kif il-voucher jista’ jintnefaq f’dawn it-tliet xhur.