Il-Ministru Helena Dalli ħabbret fil-Parlament li s-sistema li qed tintuża mill-Gvern biex il-paga ta’ ħaddiem fuq kuntratt ta’ xogħol mal-Gvern jiġi daqs il-paga ta’ ħaddiem fis-settur pubbliku, qed tiswih €18-il miljun fuq tliet snin.
Qalet li l-Gvern Nazzjonalista li m’għamel xejn dwar prekarjat. L-ewwel ħaġa li għamel il-Gvern Laburista kien li beda jindirizzza s-sitwazzjoni fejn jidħlu ħaddiema tal-Gvern. Issa kuntratt m’għadux jintrebaħ fuq l-irħas offerta iżda fuq “best quality price ratio”, sistema li għandha twassal għal pagi aħjar.
“Wara li trattajna l-kuntratti tal-Gvern issa se nitrattaw il-kuntratti privati biex nevitaw il-prekarjat.”
Il-Ministru Dalli kkritikat lid-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli li kważi ħa ġost jgħid li Malta qiegħda l-aħħar fil-Global Gender Gap Report iżda ma qalx x’inhuma l-kriterji li bihom issir din il-lista. Malta ma tistax titla’ ’l fuq għax wieħed mill-indiċi hu l-abort, li pajjiżna m’għandux. Hemm ukoll il-fatt li l-pajjiż jalloka l-leave tal-maternità lill-omm biss, fejn pajjiżi oħra jaqsmuh bejn l-omm u l-missier.
Hemm il-kwistjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, fejn Malta għandha rata baxxa.
Il-Ministru qalet li f’Malta kien hawn żieda ta’ 6% fl-għadd ta’ nisa li jaħdmu barra mid-dar u dan għax il-Gvern għamel l-istrutturi meħtieġa, fosthom iċ-childcare b’xejn. Iżda dan m’hux wieħed mill-indiċi li jqis dan ir-rapport.
Dwar il-paga minima, il-Ministru Dalli qalet li ġew kummissjonati żewġ rapporti mill-MCSD biex isir magħruf kif żieda taffettwa l-kompetittività ta’ Malta fis-swieq barranin.