Il-Gvern se jinvesti madwar mija u sebgħin elf ewro biex jgħin lill-kmamar tan-nar madwar il-Gżejjer Maltin.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Alfred Marshall spjega kif kull kamra tan-nar tista’ tibbenifika minn ħamest elef ewro mill-iskema għal diversi proġetti marbuta mal-piroteknika fosthom fl-għodda għall-manifattura tan-nar, tagħlim u apparat tas-sigurtà fil-kmamar tan-nar.
Qal, “Il-kuntest ta’ din l-iskema huwa kuntest importanti li il-Kunsill Malti għall-Arti flimkien mal-Ministeru jqisu l-logħob tan-nar, il-piroteknika bħala parti essenzjali mill-kultura popolari. Allura huwa mportanti għall-Kunsill u għall-Gvern li jinvesti wkoll f’dan il-qasam ta’ kultura popolari.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Josè Herrera qal li l-Gvern se jinvesti f’dan is-settur biex jissalvagwardja l-kultura u l-ħaddiema.
Sostna kif b’kuntrast ta’ tradizzjonijiet oħra, il-logħob tan-nar kompla jikber u jissaħħaħ matul iż-żmien, u dan l-investiment se jassigura li dan ikompli jsir.
Qal kif, “Dak li huwa Malti rridu nippreservawh akkost ta’ kollox. Allura f’dawn l-aħħar snin bdejna nikreaw fond wara l-ieħor immirati biex ngħinu lil dan is-settur. Il-piroteknika hija parti integrali tas-settur tradizzjonali Malti, settur li dejjem qed jikber. Allura aħna ddeċidejna li nipperpetwaw fond bil-għan li ngħinu lill-piroteknika b’mod dirett.”