Fil-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart, il-WasteServ tat numru ta’ premji lil entitajiet li għamlu sforz biex inaqqsu u jisseparaw l-iskart. Bejniethom ingħataw €17,000.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca rringrazzja lill-parteċipanti kollha, kif ukoll lil dawk kollha fis-soċjetà li jieħdu deċiżjonijiet kuljum biex inaqqsu l-iskart tagħhom.
“Is-separazzjoni tal-iskart u t-tnaqqis tal-iskart hija xi ħaġa li rridu nġorru kollha flimkien. Mingħajr l-isforz tan-nies u l-isforz tan-negozji, l-iskejjel u l-kunsilli lokali, ix-xogħol kbir li jsir fil-WasteServ ma jkunx jista’ jissarraf f’riżultati tajbin.”
Huwa sostna li l-isforz qed isir ukoll min-naħa tal-WasteServ, u kif filwaqt li l-pubbliku jagħmel l-isforz tiegħu, il-WasteServ qed tkompli tagħmel l-investimenti li hemm bżonn biex pajjiżna jilħaq il-miri tiegħu u jkun aktar sostenibbli.
“Il-WasteServ qed tinvesti bil-kbir, investiment ta’ nofs biljun ewro, is-sena l-oħra lħaqna l-ikbar rekord fl-istorja tal-WasteServ ta’ materjal riċiklabbli li ntbgħat barra minn Malta, imma mingħajr in-nies, mingħajr l-isforz kbir tas-soċjetà ċivili, dan l-isforz ma nkunux nistgħu insarrfuh, jiġifieri aħna nippremjaw lil min jaħdem u nkomplu ninkoraġixxu s-soċjetà biex taħdem iktar f’dan is-settur biex inkunu nistgħu inħallu futur ambjentali aħjar lil uliedna.”
Il-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli qalet li sabiex Malta jkollha ekonomija ċirkolari, hemm bżonn il-ħidma ta’ kull faxxa mis-soċjetà. Żiedet kif premji bħal dawn iħeġġu din il-bidla għal konsum u produzzjoni responsabbli.