Il-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni għas-snin ta’ bejn l-2023 u l-2027.
Minn dan, Malta se tingħata €166 miljun f’fondi Ewropej, li l-Gvern se jkompli jinvesti fis-settur agrikolu u jindirizza sfidi nazzjonali li jaffettwaw lil dan is-settur.
L-għan ta’ dawn il-fondi huwa li jkompli jgħin, fosthom fejn jidħlu s-sigurtà tal-ikel u l-objettivi ambjentali u klimatiċi.
Permezz ta’ dawn il-fondi, il-Gvern se jniedi iniżjattivi u jinvesti fil-bdiewa, anki permezz ta’ skemi ġodda li jgħinu b’mod dirett lill-bdiewa, fosthom biex jinvestu. Se jinħarġu wkoll skemi apposta għall-bdiewa żgħażagħ biex jiġu inkorraġġuti jidħlu jaħdmu f’dan is-settur.
ONE News tkellem mal-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo, li qal li dawn il-fondi, li se jibdew mill-ewwel ta’ Jannar, ġew wara xhur ta’ negozjati.
“Rajna wkoll illi l-għajnuna diretta illi tingħata lill-bdiewa u r-raħħala qed tiżdied u din se tkun importanti ferm għaliex fil-programm il-ġdid se jkun hemm b’mod konsiderevoli illi l-għajnuna diretta illi aħna nagħtu lill-bdiewa u r-raħħala tagħna se tiżdied.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Silvio Schembri, qal li dawn huma fondi li se jintużaw f’settur importanti ħafna għal pajjiżna, speċjalment fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna.
Is-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropej, Chris Bonett qal li b’dawn il-fondi mhux biss se jkunu indirizzati l-isfidi ambjentali li qed iħallu impatt fuq dan is-settur, imma se jkompli jiġu megħjuna b’mod tanġibbli l-bdiewa.
“Sforz ta’ ħafna xogħol illi sar kemm mis-Segretarjat u l-Ministeru tagħna, kif ukoll mal-Ministeru tal-Agrikoltura, fejn se naraw li l-biedja tagħna, il-bidwi Malti, se jkun jista’ jopera, se jkun jista’ jiftaħ suq għall-bdiewa biex nimmodernizzaw kif naħdmu u biex ukoll nipproteġu l-provvista tal-ikel ġewwa pajjiżna.”