B’investiment ta’ €160,00 Għawdex ser ikollu osservatorju astronomiku fil-ġnien Ta’ Isopu fin-Nadur.
Dan wara ġie iffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Università ta’ Malta, biex Għawdex għandu post ieħor fejn jiġi osservat il-moviment stellari u fenomeni astronomiċi oħra. Teleskopju mgħammar b’apparat fotografiku speċjalizzat se jkun jista’ jintuża biex jittieħdu ritratti u tagħrif dwar diversi oġġetti fl-univers fosthom asterojdi u pjaneti fis-sistema solari, għal kwiekeb u galassji mbiegħda.
L-astrofiżiċista Dr Joseph Caruana mill-Università ta’ Malta spjega kif dan il-proġett għandu tliet aspetti, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-aspett kulturali.
Caruana stqarr: “L-astronomija sikwit tiġi deskritta bħala l-iktar xjenza antika; il-bniedem mill-eqdem żminijiet ħares lejn is-sema u staqsa dwar l-Univers, l-oriġini tiegħu, u post il-bniedem fih. Huwa suġġett li jibqa’ jsaħħar lil nies ta’ kull età, u dan l-osservatorju se jkun qed jgħin biex irawwam sens ta’ kurżità dwar il-misteri tal-univers u l-ġmiel tiegħu.”
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet kif Għawdex qed ikompli jikber u jimraħ biex issa ġie wkoll fuq il-mappa ta’ dan is-settur tax-Xjenza. Il-Ministru Caruana sostniet: “Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss qed nippromwovi lil Għawdex, iżda wkoll qegħdin insaħħu din ix-xjenza li qed issir tant popolari u tant importanti mhux biss fil-kuntest lokali iżda wkoll fil-kuntest internazzjonali.”
Hija tenniet kif Għawdex għandu siti simili bħal dak tad-Dwejra, il-Fanal tal-Ġordan, li qed jiġi rrestawrat u issa Ta’ Sopa li qed jiġbdu għexieren ta’ studjużi u ammiraturi tal-istilel lejn il-Gzira tat-tliet għoljiet.
Ir-rettur fl-Università ta’ Malta tenna kif dawn l-istudji astronomiċi għandhom bżonn ta’ postijiet ’il bogħod mit-tniġġis tad-dawl, u Għawdex għandu numru ta’ postijiet simili. Hu spjega li “Qegħdin nipruvaw l-ewwel nett nagħmlu użu mir-riżorsi illi Għawdex għandha u Malta frankament għandha ħafna inqas u biex inħajru lin-nies jieħdu interess ikbar fix-xjenza.”