B’investiment ta’ €160 miljun, b’fondi mill-Unjoni Ewropea, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tagħmel diversi proġetti.
Dan sabiex il-konsumatur igawdi minn titjib u kwalità ta’ servizz aħjar, fejn kull servizz li jkun offrut ikun wieħed effettiv, effiċjenti u tal-ogħla livell.
Dawn il-proġetti għandhom l-għan li fost oħrajn itejbu t-togħma tal-ilma tal-vit.
Dan sostnietu l-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli waqt business breakfast organizzat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Il-Ministru Dalli qalet li l-proċeduri li qed tippreżenta l-korporazzjoni huma ċ-ċavetta biex inżommu l-istandards meħtieġa.
Saħqet li rridu nillimitaw l-impatt fuq l-ambjent, kemm se nnaqqsu l-ħela u kemm se nagħmlu l-aqwa użu mir-riżorsi ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Dalli stqarret, “Il-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma qed tembarka fuq diversi proġetti biex tara li fid-djar tan-nies jasal ilma tal-aqwa kwalità. Qegħdin naħdmu biex inkunu effiċjenti, biex inkunu effettivi, biex innaqqsu l-ħela u nimmassimizzaw ir-riżorsi tagħna.”
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Ivan Falzon, li qal kif huwa importanti li din il-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma toħroġ il-lista ta’ proġetti sabiex tagħti aktar servizz ta’ kwalità.
Huwa qal, “Min jaħdem magħna, is-suppliers, il-kuntratturi jkunu jafu aħna x’qed nistennew mill-proġetti tagħna għax hekk żġur niggarantixxu l-aqwa valur għall-flus, għal dak li ninvestu aħna u hekk ikun ta’ benefiċċju għal klijenti tagħna u anke għall-pajjiż u l-korporazzjoni.”