Tul dawn l-aħħar 19-il xahar, l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet madwar 8,000 sottomissjoni mingħand propjetarji li xtaqu jirregolarizzaw il-propjetà tagħhom. 7,000 minnhom ġew validati li fissru dħul ta’ €16-il miljun ewro b’din l-iskema.
Lura f’Awissu 2016, l-awtorità illonċjat skema ta’ regolarizzazzjoni bil-għan li tiffaċilita l-bejgħ tal-propjetà li kienu ilhom fis-suq imma baqgħu ma nbiegħhux minħabba irregolaritajiet li ma setgħux jiġu ssanzjonati.
Ir-regolarizzazzjoni setgħet tiġi biss ikkunsidrata jekk il-propjetà tkun f’żona ta’ żvilupp u li tidher fir-ritratti tal-awtorità mill-ajru li nġidbu fl-2016. L-illegalità ma tridx tkun ta’ ħsara jew detriment għall-ġirien u trid tkun konformi mad-direttivi attwali.
Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfata, allura l-iskema ma tapplikax. Il-multa kienet ikkalkulata b’mod totali u tikkombina kull sular li qed jiġi rregolarizzat.
Il-maġġoranza tal-flus li nġabru minn din l-iskema; ‘il fuq minn 70 fil-mija tagħhom ġew utilizzati għal restawr tal-propjetajiet li kienu skedati f’żoni urbani ta’ konservazzjoni permezz tal-iskema Irrestawra Dawrek. 20 fil-mija tal-flus ġew allokati għal fond ta’ pjanar u żvilupp li ser jiġu utilizzati minn proġetti ta’ titjib fil-komunitajiet.
Għal aktar informazzjoni tistgħu żżuru http://www.pa.org.m