Is-settur bankarju f’Malta kompla jkun ta’ kontribut sinifikanti u jappoġġja l-ekonomija lokali. Fl-istess ħin żamm tkabbir stabbli, ratios kapitali b’saħħithom, likwidità għolja, u profitt tajjeb. Dan kien konfermat fi stqarrija maħruġa dan l-aħħar mill-Malta Bankers’ Association (MBA).It-total kombinat tal-karta tal-bilanċ tas-seba’ “banek domestiċi ewlenin”, li għandhom l-aktar rabtiet b’saħħithom mal-ekonomija domestika, kien ta’ €19.8-il biljun fi tmiem l-2015 (2014: €19.1-il biljun). L-assi totali tat-28 bank membru tal-Assoċjazzjoni kien ta’ €45.1 biljun.
Id-depożiti tal-klijenti mal-“banek domestiċi ewlenin” ukoll żied b’7% u laħaq is-€16.5-il; biljun fl-2015 (2014: €15.4-il biljun), u issa d-depożiti fil-banek kollha jammontaw €22.8 biljun.
Fil-kummenti li ta fuq dawn iċ-ċifri, is-Segretarju Ġenerali tal-MBA, is-Sur James Bonello, qal li, “Din ix-xejra tirrifletti l-fiduċja u l-kunfidenza tal-pubbliku fis-sistema bankarja. Fil-fatt, fir-Rapport dwar il-Kompetittività Globali għall-2015-2016, il-Forum Ekonomiku Dinji poġġa lil Malta fil-15-il post minn 140 pajjiż li ġew mistħarrġa f’termini ta’ sahha fis-sistema bankarja tagħha. Dan ir-riżultat sodisfaċenti hu frott tal-politika prudenti u responsabbli adottata lokalment matul is-snin mill-banek. Din poġġiethom f’pożizzjoni tajba, u biha ħarġu mill-kriżi bankarja u finanzjarja tal-2008 mingħajr ħsara żejda. Dan kollu kien ta’ sodisfazzjon għad-depożitaturi, l-azzjonisti u l-impjegati.
Intqal ukoll li l-banek domestiċi ewlenin komplew jappoġġjaw ukoll b’mod attiv l-iżvilupp u t-tkabbir tal-ekonomija Maltija billi pprovdew faċilitajiet ta’ kreditu lis-settur domestiku u lin-negozji.
Dan laħaq id-€9.4 biljun fi tmiem l-2015. Is-self lill-individwi biex jixtru residenza kien pjuttost b’saħħtu u, f’Diċembru 2015, laħaq it-€3.9 biljun.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-provvista finanzjarja għall-intrapriżi ż-żgħar u medji (SMEs), is-“Survey on Access to Finance (SAFE) in 2015” li sar mill-Bank Ċentrali ta’ Malta sab li 87% tal-applikanti għal self finanzjarju u 75% tal-applikanti għal overdraft “kisbu kollox” jew “ħafna minnu”. 8% biss tal-applikanti ġew miċħuda. Is-Sur Bonello sostna li, “Dawn huma numri pjuttost aċċettabbli fl-opinjoni tiegħi”.
In-numru ta’ impjegati tal-bank full-time issa żdied għal madwar 4,400. Il-pagi tagħhom is-sena l-oħra laħqu l-€160 miljun.