Ir-residenti tal-qasam tad-djar taċ-Ċawla f’Għawdex ingħataw ħmistax-il elf u ħames mitt ewro li nġabru minn mitejn u wieħed u tletin pannella fotovoltajika li hemm imwaħħla fuq il-blokok tal-appartament li hemm f’din l-istess żona residenzjali.
Din l-għotja tqassmet lil dawn ir-residenti ta’ dan il-qasam tad-djar, mill-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri waqt żjara li għamel f’dan il-qasam tad-djar,
B’kollox f’dan il-qasam tad-djar hemm ħmistax-il blokka, b’kull blokka fiha tmien appartamenti, b’total ta’ mija u għoxrin ruħ.
Il-Ministru Clint Camilleri spjega li ta’ kull sena dawn il-pannelli jiġġeneraw l-elettriku mix-xemx u dan l-elettriku jmur fil-grid nazzjonali. L-ammont ta’ elettriku li jiġġeneraw jissarraf fi kreditu u dan jitqassam lir-residenti f’forma ta’ għajnuna finanzjarja. Huwa stqarr li jħares ’il quddiem biex isiru aktar inizjattivi bħal dawn.
Huwa qal, “Din hija inizjattiva importanti ferm, fejn qegħdin inkomplu wkoll nuru l-importanza tal-enerġija rinovabbli u kif l-enerġija rinovabbli wkoll tista’ ssarraf fl-aħħar mill-aħħar f’aktar introjtu għall-familji tagħna u għaldaqstant nieħu gost li nkomplu nżidu inizjattivi bħal dawn b’użu ta’ enerġija rinovabbli bħalma huma l-photovoltaic panels, sabiex aktar familji jibbenefikaw minn din it-tip ta’ teknoloġija.”