Il-gvern se jkun qed jinvesti mija u erbgħa u ħamsin miljun ewro fis-settur turistiku fl-2023, sabiex l-irkupru turistiku li esperjenza pajjiżna din is-sena jkompli jiġi sostnut u mtejjeb.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, waqt konferenza tal-aħbarjiet fil-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa, fejn spjega li din in-nefqa se tkun qed tagħti serħan il-moħħ għall-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jaħdmu fis-settur turistiku.
Huwa għamel aċċenn ukoll għall-ħidma li saret sabiex din is-sena, it-turisti li żaru lil pajjiżna din is-sena stess nefqu sitta u tmenin fil mija tan-nefqa li ħallew f’Malta t-turisti fl-2019. Stqarr li dan kien possibbli permezz ta’ titjib fil-kwalità u kwantità tat-turisti li jżuru pajjiżna, hekk kif din is-sena żaru pajjiżna wieħed u tmenin fil-mija tat-turisti li għażlu lil Malta fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
“Waqt li qed naraw is-settur turistiku jkompli jirkupra, l-impenn tal-Gvern huwa dak li nkomplu ninvestu, anke nkomplu nieħdu d-deċiżjonijiet li ma ttieħdux fis-snin li għaddew sabiex naraw li l-futur sostenibbli tat-turiżmu jibqa’ verament wieħed fis-sod għall-familji u l-investituri kollha Maltin u Għawdxin”
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia, li tkellem dwar l-importanza ta’ investimenti fl-infrastruttura li tiġi użata minn għexieren ta’ nies kull sena.
Fosthom hemm it-triq tal-bajja tal-Għadira, li b’investiment ta’ €6.5 miljun, qed isiru xogħolijiet infrastrutturali fuqha li ilhom biex isiru għal deċċenji sħaħ.
Il-Ministru Farrugia stqarr li l-Gvern, permezz ta’ proġetti bħal dawn, qed juri l-impenn tiegħu sabiex dak li hemm bżonn isir, ma jibqax fuq il-karti, u jsir realtà.
Apparti minn hekk, Farrugia spjega li b’differenza minn qabel, dan il-proġett u oħrajn se jkunu qed jagħmluha possibbli sabiex wieħed jivvjaġġa mingħajr il-karozza personali tiegħu.
“Qiegħdin naraw bidla fil-mentalità. Bħalma ħabbarna fl-Imsida Creek, dan huwa proġett ukoll, fejn qed indaħħlu prattiċi ġodda, jiġifieri nakkomodaw lil min irid jimxi, lil min irid juża t-trasport pubbliku li issa huwa b’xejn ukoll, dawk li jiġu b’mezzi alternattivi tat-trasport.”
Huwa temm jgħid li ntlaħaq ukoll ftehim sabiex in-numru ta’ proġetti infrastrutturali li jkunu għaddejjin fl-istess ħin ma jkunx wieħed kbir, sabiex kull min jagħmel użu mit-toroq ma jaffaċċjax inkonvenjenzi żejda.