€15,000 mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ingħataw lill-Ministru għall-Edukazzjoni biex dan jixtri laptops jew apparat ieħor li se jgħin studenti, speċjalment dawk b’riżotsi limitati d-dar, ikomplu l-istudji tagħhom issa li l-iskejjel jinsabu magħluqa.
Dan l-iżvilupp tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet it-Tlieta mis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat. Hawnhekk il-Ministru Owen Bonnici qal ukoll li żewġ kumpaniji privati ħadmu flimkien biex taw 30 tablet lill-Ministeru għal din l-istess kawża. B’kollox għal din l-inizjattiva saru ħames donazzjonijiet ta’ apparat jew flus, li minnhom se jibbenefikaw kemm studenti li jaqgħu taħt Skema 9 u anke dawk tal-iskejjel tal-Knisja.
Il-Ministru Bonnici spjega wkoll li l-Gvern se jibqa’ jilqa’ dawn id-donazzjonijiet sakemm il-familji jibqgħu jersqu ‘l quddiem jitolbu l-għajnuna:
“Aħna se nibqgħu ninċentivaw nies jagħtu laptops sakemm in-nies jgħidulna li għandhom bżonn. Irridu li l-ebda tifel jew tifla ma jaqgħu barra mis-sistema edukattiva minħabba dak li għaddejjin minnu bħalissa. Li żgur ma rridux hu li jgħaddu s-snin u ngħidu li f’dan il-perjodu stajna għamilna xi ħaġa u m’għamilnihiex. Se nibqgħu ngħinu”.
Hu u jwieġeb domanda ta’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat fisser il-bżonn u l-obbligu li l-fondi li l-gvern warrab tul is-snin mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment jintużaw għal kawżi ġusti u għall-benefiċċju tas-soċjetà. Spjega kif “hemm numru ta’ inizjattivi oħra li qed naħdmu fuqhom biex dawn il-flus li warrabna tul is-snin, issa fil-mument tal-bżonn nużawhom kif inhu opportun u nwieżnu lis-soċjetà Maltija f’dan iż-żmien ta’ sfida”.