Bħala parti mill-Ġimgħa Internazzjonali tal-Klieb tal-Assistenza, ġie ffirmat ftehim bejn is-Service Dogs Malta Foundation u l-Gvern, bil-għan li t-tielet kelb tal-assistenza se jingħata taħriġ permezz ta’ assistenza finanzjarja.
Dan hekk kif il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat se jinvesti €15,000 għal dan il-għan.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, li preżenti għaliha kien hemm il-Ministru Julia Farrugia Portelli u d-Direttur Maniġerjali tas-Service Dogs Malta Foundation Joseph Stafrace.
Il-Ministru Farrugia Portelli fissret is-sodisfazzjon tagħha favur din l-inizjattiva. Hija qalet li tinsab kuntent li għal darb’oħra, l-Gvern se jkun ta’ għajnuna għas-Service Dogs Malta Foundation fil-ħidma eċċezzjonali tagħhom favur l-inklużjoni.
Joseph Stafrace semma kif issa is-Service Dogs Malta Foundation se tkun f’pożizzjoni aħjar biex tkompli toffri l-għajnuna tagħha iktar klieb jitħarġu biex jagħtu ħajja ta’ kwalità lill-persuni li għandhom bżonn.
Huwa semma kif din is-sena gradwaw sitt iklieb u semma kif għaxart iklieb oħra jinsabu f’taħriġ biex sena oħra jikkwalifikaw bħala klieb ta’ assistenza.
Din l-għajnuna finanzjarja se tippermetti lill-fondazzjoni biex tħarreġ kelb gwida speċifikament għall-bżonnijiet uniċi ta’ persuna fl-ispettru tal-awtiżmu, sabiex irawwem indipendenza, sigurtà u appoġġ emozzjonali akbar. Il-kelb se joffri lil dawn in-nies, sieħeb leali li jista’ jgħin fl-isfidi ta’ kuljum u jtejjeb il-benesseri ġenerali tagħhom.