Waqt seduta fil-Parlament il-Ministru għall-intern Byron Camilleri, tenna kif f’dawn l-aħħar għaxar snin twettqu kullana ta’ riformi fi ħdan ħamest elef membru ta’ korpi dixxiplinarji f’pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru spjega fl-aħħar sena u nofs saru tlett ftehimiet kollettivi mal-ħaddiema tal-korpi dixxiplinarji b’total ta’ ħmistax il-miljun ewro għal drittjiet u kundizzjonijiet ġodda għall-ħaddiema.
Semma fost oħra kif id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jingħarafx ma’ għaxar snin ilu.
Fil-fatt fl-2012, il-Budget għall-investiment kapitali fil-Protezzjoni Ċivili kien ta’ erba’ mija u ħamsin elf ewro, u illum il-budget huwa ta’ tmien miljun u nofs ewro.
Il-Ministru Camilleri spjega kif għaxar snin ilu l-ħwejjeġ li kienu jingħataw lill-ħaddiema kienu jkunu diġà użati minn nies ta’ qabilhom.
Il-Ministru għall-Intern semma kif il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kienu talbu lill-Gvern Nazzjonalista kundizzjonijiet aħjar, iżda t-tweġiba kienet le.
“U vermant irid ikollok wiċċek u x’imkien ieħor l-istess biex tibqa’ jew inkella tħares f’għajnejn dawn il-ħaddiema u llum tagħmilhom wegħdi ġodda meta tmejjilt bihom b’dan il-mod.”
Il-Ministru spjega kif il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinarji kellhom jidħlu l-Qorti biex jitħallsu ta’ dak li ħadmu għalih, fosthom l-over-time.
Spjega kif Gvern Laburista għandu l-kredibilità biex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għas-suldati, l-pulizija u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili fost oħrajn.
“U meta jiġi l-mument se nersqu ’l quddiem u nagħmlu l-proposti tagħna bħal ma għamilnihom fil-passat, però tafu ħaġa importanti ħafna fuqna, illi meta aħna nagħmlu dawk il-proposti nimplimentawhom b’differenza minn ħaddieħor. Aħna ma nibgħatukomx taħdmu bla ma nħallsukom, aħna ma nibgħatukomx tiftħu l-kawżi biex tieħdu dak illi huwa dritt tagħkom għaliex qalbna tħabbat ma’ kull ħaddiem f’pajjiżna u qalbna tħabbat mal-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati kollha.”