Skema ta’ €15-il miljun f’fondi Ewropej se tara sforz kollettiv lejn soċjetà aktar sostenibbli billi tħeġġeġ negozji u individwi jagħmlu bidliet meħtieġa fil-propjetà tagħhom biex dik tkun aktar effiċjenti u sostenibbli. Dan kien possibbli wkoll grazzi għal ftehim bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-bank APS u l-Bank of Valletta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega kif se taħdem l-iskema.
“Permezz ta’ ħmistax–il miljun ewro b’fondi tal-Unjoni Ewropea, se nkunu nistgħu inniedu b’sittin miljun ewro f’finanzjamenti biex wieħed ikun jista’ jagħmel tibdiliet importanti b’risq l-ambjent. Fost l-oħrajn wieħed jista’ jikseb finanzjament biex jagħmel tinbdil bħal double glazing u tibdil oħrajn, kemm bħala negozju żgħir u kif ukoll bħala familja. Dan huwa mezz ieħor kif niffinanzjaw lejn ekonomija ħadra.”
Il-fondi Ewropej se jgħin billi jnaqqsu t-talbiet tal-banek għall-garanziji, kif ukoll sabiex ibaxxu r-rati tal-imgħaxx għal dan is-self.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzoppardi temm jgħid li pajjiżna għandu l-inqas emissjonijiet ras għal ras fl-Unjoni Ewropea, u għalkemm hemm limitu ta’ kemm nistgħu nnaqsu dawn l-emizzjonijiet, il-Gvern mhux se jinżamm milli jkompli jaħdem għal Malta aktar sostenibbli.