Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri ta għotjiet lill-għaqdiet mhux governattivi li qed jgħinu fl-adozzjonijiet tal-annimali. Dawn l-NGOs jieħdu ħsieb li jiċċekkjaw u jagħmlu l-verifiki tagħhom dwar l-ambjent li fih ikunu sejrin l-annimali li jiġu adottati mill-Animal Welfare sabiex jassiguraw li qegħdin jgħixu f’post fejn jixraqilhom u jkunu mħarsa sew. L-NGOs jibqgħu jsegwu l-annimali anke wara li jiġu adottati .
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-ammont totali li se jingħata jlaħħaq it-€13,780 u l-NGOs li qed jibbenefikaw minn dawn l-għotjiet huma Tomasina Cat Sanctuary, Association for Abandoned Animals, Island Sanctuary Association, Stray Animals Support Group, Carers for Stray and Abandoned Felines u St Paul’s Bay Charity. Is-sitt NGOs li qegħdin jibbenefikaw, iċċekkjaw u għamlu l-verifiki dwar l-annimali adottati fil-perjodu bejn Ottubru u Diċembru 2017. Dan l-ammont jingħaqad mas-€17,650 li diġà ngħataw lil dawk li jgħinu fl-adozzjonijiet tal-annimali.
Clint Camilleri rringrazzja lil dawn l-għaqdiet tax-xogħol siewi li jagħmlu favur il-ħarsien tal-annimali u enfasizza fuq l-importanza tal-ħidma bejn l-għaqdiet mhux governattivi u d-Direttorat responsabbli mill-Animal Welfare.
Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jservi bħala intermedjarju fi proċess għall-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu mal-annimali sabiex jipprovdu post permanenti għal dawn l-annimali. Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali irringrazzja lil dan id-Direttorat li jipprovdi l-kura neċessarja u post għall-annimali li jisfaw vittmi ta’ krudeltà, jew ikunu mweġġgħin jew abbandunati sakemm dawn jittieħdu minn NGOs differenti meta tinstabilhom dar.
Bħalissa l-NGOs qegħdin jibbenefikaw minn ħlasijiet skont it-tabella t’hawn taħt sabiex ikunu jistgħu jiċċekkjaw u jivverifikaw li l-annimali adottati huma mħarsa u trattati tajjeb. Il-ħlasijiet ivarjaw skont l-annimal addottat, minn ġriewi li għalihom jingħataw €50 sa klieb anzjani li għalihom jingħataw €130.
Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħeġġeġ aktar għaqdiet sabiex jimxu fuq il-passi ta’ dawn l-NGOs u jgħinu fil-proċess tal-adozzjoni tal-annimali. Huwa fakkar kif il-Gvern wiegħed li se jagħti importanza u jilħaq il-miri f’dan is-settur u għalhekk huwa kommess li jgħin anke b’sostenn finanzjarju lil dawk li jagħtu sehemhom. Hu temm jgħid li l-għotjiet li ngħataw lil dawn l-NGOs huwa eżempju wieħed ta’ għajnuna li qiegħda tingħata lill-għaqdiet mhux governattivi bħala rikonoxximent tal-isforz u l-kontribuzzjoni valida u effettiva li jagħmlu fis-settur.
Ritratti – DOI – Omar Camilleri & MESDC_PS