Għaqdiet volontarji u sportivi f’Għawdex se jingħataw €134,000 bejniethom biex iwettqu proġetti b’risq il-komunità f’Għawdex. Din is-sena 18-il-għaqda applikaw għall-iskema tal-Għaqdet Volontarji, u disgħa oħra applikaw għall-Iskema tal-Għaqdiet Sportivi.
F’ċerimonja li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, l-għaqdiet volontarji ngħataw total ta’ €89,877 bejniethom, filwaqt li l-għaqdiet sportivi ngħataw €43,872.
Il-Ministru għal Għawdex spjega li l-għan tal-iskemi hu li dejjem tkompli titjieb il-komunità f’Għawdex.
Dan apparti li jinkonraġġixxu l-volontarjat u l-attività sportiva fost il-komunitajiet.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “U dan qed nagħmluh għaliex nemmnu fil-volontarjat u nemmnu fl-NGOs u importanti li l-Gvern jibqa’ jsostni lil dawn il-persuni u lil dawn l-għaqdiet.”
Il-Ministru Camilleri temm jistqarr li dawn l-għaqdiet huma l-mutur biex il-gżira Għawdxija tibqa’ tara progress u tibqa’ miexja ’l quddiem f’diversi oqsma.