Bil-miżura li introduċa l-Gvern fl-2016 li kuntratti tal-kera jridu jkunu reġistrati saru magħrufa €184,000,000 dħul mill-kirjiet. Imqabbel massena ta’ qabel dan kien ifisser żieda ta’ €130,000,000 li allura ma baqgħux fl-ekonomija s-sewda u tħallsu miljuni ta’ ewro f’taxxi fuqhom.
Fl-2016 il-Gvern ra żieda ta’ iktar minn €18-il miljun f’taxxi minn kirjiet wara l-miżura tal-baġit fejn minn dik is-sena l-kuntratti tal-kirjiet kellhom jibdew ikunu rreġistrati. Dik il-miżura segwiet id-dħul ta’ rata favorevoli ta’ 15% fil-baġits ta’ qabel.
Miżura li kienet maħsuba biex il-Gvern jinkoraġġixxi d-dikjarazzjoni ta’ dħul minn kirjiet fuq bini kemm domestiku, kif ukoll kummerċjali. “Konna ċari mill-bidu nett dwar il-ħtieġa ta’ kontrolli biex nindirizzaw l-evażjoni minn dan is-sors ta’ dħul,” kien qal il-Ministru Edward Scicluna fil-baġit għall-2016.
Il-Ministru tal-Finanzi kien żied: “Għal dan il-għan, mis-sena d-dieħla, ser indaħħlu sistema fejn ftehim ta’ kuntratti ta’ kera għal tliet xhur jew aktar, inklużi dawk ta’ tiġdid ta’ kera, iridu jiġu rreġistrati mad-Dipartimenti tat-Taxxi Interni.” Jidher li dan ħalla l-frott u miljuni kbar ta’ ewro ħarġu mis-suq tal-ekonomija s-sewda.
Kemm is-sid kif ukoll il-kerrej jistgħu jirreġistraw il-kuntratt iżda, fin-nuqqas ta’ dan, is-sid ikun suġġett għal penalitajiet ikkontemplati fil-liġi tat-taxxa tad-dħul.
Minn tagħrif li l-Ministru Scicluna ta fil-Parlament għall-mistoqsijiet tad-Deputat Clayton Bartolo jirriżulta li fl-2016, minn dawk li għandhom proprjetà fis-suq u rreġistrawha, il-Gvern daħħal €184,421,664 maqsumin bin-nofs bejn taxxa rreġistrata minn kumpaniji u individwi. Ferm iktar minn €55,053,199 li l-Gvern daħħal fl-2015 u t-€38,165,956 li daħħal fl-2014.
Kienu 7,249 l-individwi li rreġistraw il-kirja li għandhom u 850 il-kumpaniji.
Id-dħul mit-taxxa tal-Gvern kien ta’ €27,663,454 din is-sena u €9,285,061 fl-2015. Fl-2014 id-dħul kien ta’ €5,725,001.