Waqt seminar informattiv bl-isem ta’ BLUEfasma li għalih attenda l-Ministru għas-Sajd Anton Refalo, ġiet diskussa l-ħtieġa ta’ iktar ħarsien tal-wirt kostali ta’ pajjiżna kif ukoll ir-riċiklar ta’ skart marittimu.
BLUEfasma huwa proġett li jikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari effettiva, u li allura tinvolvi l-użu effiċjenti ta’ skart marittimu u skart ieħor relatat.
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura organizza żewġ BLUEfasma Living Labs, l-ewwel wieħed iffukat fuq il-ħarsien tal-wirt kostali u t-tieni wieħed iffukat fuq ir-riċiklar ta’ skart marittimu.
L-għan tagħhom huwa li titqajjem kuxjenza filwaqt li jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi dwar kif tirriċikla u terġa’ tuża mill-ġdid l-irkaptu tas-sajd abbandunat, bħal per eżempju xbieki tal-parit u xbieki oħrajn relatati ma’ dan is-settur.
Dan il-proġett huwa kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali permezz tal-Programm Interreg MED 2014-2020, fejn ġew allokati €2.8 miljun, li minnhom Malta bbenefikat mal-€130,000.