It-teatru Salesjan ta’ Tas Sliema ngħata s-somma ta’ tnax-il elf u ħames mitt ewro f’għajnuna sabiex ikun jista’ jiffinanzja parti mill-ispiża
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet tal-Volontarjat, Clifton Grima li faħħar ix-xogħol li tagħmel din l-organizzazzjoni volontarja li taħdem maż-żgħażagħ u l-komunitajiet ta’ Tas-Sliema u ż-żoni tal-madwar.
Spjega kif jeżisti l-Fond ta’ Kontinġenza li jintuża biss f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien u f’sitwazzjonijiet li jistgħu jew iwaqqfu l-operazzjoni tal-Organizzazzjoni Volontarja jew fejn voluntiera u benefiċċjarji jistgħu jkunu f’riskju.
Dan kif ġara fil-każ tat-teatru salesjan, kif spjegalna aħjar Fr.Sandro. Qal li kien f’Diċembru li għadda li bdew jidhru sinjali li l-binja setgħet tiġġarraf.
Minn hemmhekk, ġie deċiż li jibdew ix-xogħlijiet f’Lulju ta’ din is-sena iżda filwaqt li kollox kien sejjer skont il-pjan, ġie innutat travu li kien qed jerfa’ l-piż kollu fuqu u li fih sarulu ħsarat kbar fil-ħamsinijiet.
Kien għalhekk li kellhom jitwaqqfu x-xogħlijiet sakemm saret evalwazzjoni ġdida li rriżultat fi spejjeż li rduppjaw u jammontaw għal aktar minn ħamsa u tletin elf ewro.
Issa t-tir huwa li sa Ottubru li ġej, qabel ma jerġa’ jibda l-istaġun, kollox jerġa’ jkun f’postu biex jitgawda minn dawk kollha li jattendu.