SportMalta tippreżenta total ta’ €1,200,000 f’għajnuniet finanzjarji lil 33 assoċjazzjoni u lil atleti individwali reġistrati ma’ SportMalta.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li permezz tal-assistenzi minn SportMalta, qed naraw li l-assoċjazzjonijiet u l-clubs qed ikunu proattivi u qed jieħdu inizjattivi biex jiġġeneraw dħul. Dan kollu ma jkunx possibbli mingħajr l-għajnuna li jagħti l-gvern li jikkommetti ammont ta’ flus kull sena biex jingħataw dawn l-assistenzi, liema assistenzi żdiedu għax fl-2018 il-vot tal-assistenzi żdied għal 1.54 miljun ewro.
B’kollox kienu 151 atleta u assoċjazzjoni b’total ta’ madwar €2,000,000 li bbenefikaw minn assistenza finanzjarja matul l-2018. Dawn jinkludu l-ħlas ghall-iskema tal-assistenzi ta’ SportMalta għall-2017 li jinkludi assistenza finanzjarja għal proġetti, Youth Development Scheme, Flexi Training Scheme u ittri ta’ impenn għall-2018.
SportMalta torganizza erba’ ċerimonji biex l-assoċjazzjonijiet sportivi u l-atleti ma jkollhomx jistennew żmien twil għal assistenza finanzjarja. Dawn huma parti mir-riforma ta’ SportMalta għall-benefiċċju tal-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet, biex b’hekk tagħtihom aktar ċertezza biex jippjanaw finanzjarjament.