Mill-bidu tal-istaġun sajfi s’issa nħarġu madwar €12,000 f’multi lil min joffri servizz fil-bajjiet f’Kemmuna, wara nuqqas ta’ rispett ta’ regoli li ġew stabbiliti bi qbil mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. L-Awtorità b’sodisfazzjon innotat li qed ikunu rispettati regolamenti, bħal per eżempju l-ammont massimu ta’ deckchairs u l-prezz għal kull deckchair f’zoni differenti.
Bħala parti mill-isforzi biex tiżgura r-rispett lejn il-ftehim li ntlaħaq dwar il-bajjiet, uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kienu preżenti dalgħodu wkoll f’Kemmuna, iwettqu spezzjonijiet u jħarsu attivitajiet relatati mal-kiri ta’ deckchairs u umbrelel fil-Blue Lagoon u l-Bajja ta’ Santa Marija.
B’differenza, fi snin preċedenti kienu jinħarġu sa 1,500 deckchair mal-Blue Lagoon u Kemmunett, anke jekk dawn kienu jitpoġġew fl-art naturali li tmur lil hinn mill-bajjiet. Issa hemm limitu kemm jistgħu jinħarġu deckchairs, b’massimu li jilħaq il-230.
Barra minn hekk, l-MTA estendiet id-deckchairs u s-servizzi ta’ lifeguard fil-bajja ta’ Santa Marija, b’hekk naqqset it-traffiku mill-Blue Lagoon.