In-nefqa fil-protezzjoni soċjali f’pajjiżna żdiedet b’€120 miljun ewro fl-2021.
Juru dan l-aħħar ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ippubblikati t-Tnejn filgħodu, li juru li dan l-investiment fl-istess sena qabeż iż-żewġ biljun u seba mija u wieħed u għoxrin miljun ewro.
Fil-fatt, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rrimarka kif fl-2021 din l-allokazzjoni ammontat għal 18.1 fil-mija tal-prodott domestiku gross.
L-akbar kontributuri għal din iż-żieda kienu n-nefqa fl-isptarijiet f’pajjiżna u faċilitajiet oħra tas-saħħa. Hawn kien hawn żieda ta’ €69 miljun ewro. Il-benefiċċji kontributorji tas-Sigurtà Soċjali wkoll affettwaw sew iż-żieda fin-nefqa fil-protezzjoni soċjali f’pajjiżna fl-2021 hekk kif tul din is-sena hawn kien hawn żieda fin-nefqa ta’ €50.7 miljun ewro.
In-nefqa kollha fil-protezzjoni soċjali kienet maqsuma f’bosta faxxex tas-soċjetà.
Kważi 37 fil-mija marru għal ersuni kbar fl-età, kważi 33 fil-mija marru għall-qasam tas-saħħa, ftit aktar minn 13 fil-mija indirizzaw il-qgħad, ftit aktar minn 5 fil-mija indirizzaw il-familji u t-tfal, u ftit aktar minn 3.4 fil-mija indirizzaw il-qasam tad-diżabilità, fost oħrajn.