Tlestew ix-xogħlijiet b’investiment ta’ tnax-il miljun ewro fuq is-Central Business District fl-Imrieħel.
Investiment li minnu qed igawdu 12,000 ħaddiem li jaħdmu f’270 negozju.
Dan filwaqt li huwa previst li l-attività kummerċjali fiċ-ċentru se tirdoppja s-sena d-dieħla bil-ħolqien ta’ mijiet ta’ impjiegi ġodda.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar dan l-investiment bit-tlestija tal-ewwel żewġ fażijiet minn tlieta fil-pjan tax-xogħol industrijali f’dan iċ-ċentru.
Fost dawn il-proġetti saru ’l fuq minn tlettax-il elf metru kwadru ta’ asfaltar ta’ toroq u tiswija ta’ diversi bankini.
Il-Gvern anki investa kważi erba’ miljun ewro f’toroq ġodda.
Spjega kif sar investiment ta’ €850,000 f’dawl ġdid tat-toroq filwaqt li sar investiment ieħor ta’ €160,000 fi proġett ta’ mmaniġjar tal-ilma tax-xita biex b’hekk ġiet eliminata l-problema ta’ għargħar li dan iċ-ċentru kien jaffaċċja wara kull maltempata.
Il-ħaddiema u r-residenti li joqogħdu fl-akwati jistgħu wkoll igawdu minn ġnien pubbliku ġdid li sar b’investiment ta’ €650,000.
Fost l-oħrajn saret ukoll applikazzjoni tal-mobile li toffri informazzjoni dwar xogħljiet u żviluppi li qegħdin iseħħu fiż-żona.
Ġie ffirmat ftehim ukoll mal-Korp tal-Pulizija sabiex ikun hemm żewġ pulizija u karozza elettrika tal-pulizija jduru kuljum fil-ħinijiet tax-xogħol sabiex jedukaw u jinfurzaw iż-żona.
Il-Ministru Schembri semma li fost il-proġetti li għaddej ix-xogħol fuqhom bħalissa hemm sistema ta’ kameras tas-sigurtà, tpoġġija ta’ erbatax-il stazzjon li bihom jiġu ċċarġjati vetturi elettriċi u parkeġġ ieħor li jiflaħ tliet mitt karozza.
Huwa qal, “Ridna naraw li minkejja li 80% ta’ din iż-żona hija privately owned il-Gvern jintervjeni sabiex jieħu ħsieb iktar kif suppost it-telqa li kien aw f’din iż-żona u rajna li flimkien mal-privat inwaqqfu fondazzjoni li kellha pjan maqsum fuq tliet fażijiet is-short, medium u long-term. Ix-short u l-medium kellna diversi xogħlijiet li kellhom jitlestew fuq perjodu ta’ għaxar snin. Ħdimna qatigħ, xammarna l-kmiem, biex dak ix-xogħol kollu minflok f’għaxar snin għamilnieh kollu f’ħames snin.”
Charles Xuereb minn Trident estates plc spjega kif dan l-investiment kien bżonjuż ħafna: “Trident Park il-ħsieb tagħna huwa li jinfetaħ sal-aħħar ta’ din is-sena u allura l-infrastruttura tal-madwar hija importanti ħafna. Aħna konna pijunieri li kkrejajna s-Central Business District Foundation. Sar investiment kbir fiż-żona partikolarment kif semma l-ministru u s-CEO fit-toroq u street lighting imma għad jonqos changes kbar meta tiġi għat-trasport li nispera tiġi addressed fix-xhur li ġejjin.”
Il-Kap Eżekuttiv tas-Central Business District Foundation, Keith Fenech stqarr kif il-Fondazzjoni qed taħdem fuq sistema ta’ rotta ta’ trasport pubbliku intern li jkun joffri s-servizz mitlub.
Dan filwaqt li huwa pjanat investiment f’vann elettriku biex jiġbor l-iskart b’mod urġenti u jnaddaf it-toroq.