B’finanzjament mill-Fond għas-Soċjetà Ċivili, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju f’isem is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat, 46 organizzazzjoni fi ħdan is-soċjetà ċivili bbenefikaw minn total ta’ €118,000 f’għajnuna sabiex jibqgħu attivi fuq livell Ewropew.
F’ċerimonja fiċ-Ċentru tal-Volontarjat fil-Belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qassam għotjiet finanzjarji lir-rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet.
Waqt iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza li għandhom dawn l-organizzazzjonijiet f’pajjiżna u li l-Gvern qed jaġixxi b’mod responsabbli meta qiegħed jalloka fondi nazzjonali lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed ikomplu jsemmgħu leħen Malta fis-sessjonijiet plenarji tal-EU.
Kompla jgħid li d-determinazzjoni u d-dedikazzjoni tan-nies li jwettqu xogħol fl-għaqdiet volontarji huwa essenzjali ħafna għax itejjeb id-dinjità tal-bniedem.
Kull organizzazzjoni hija intitolata għal 80% tal-ispejjeż kollha li tkun għamlet f’parteċipazzjoni f’fora, mhux biss lokali imma anki fuq livell Ewropew.
L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSOs) huma kkunsidrati bħala s-sinsla ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika.