Tnejn u għoxrin għaqda volontarja li qed joperaw b’risq il-komunità Għawdxija ser igawdu minn allokazzjoni ta’ kważi mija mija u għaxart elef ewro permezz ta’ skema tal-Gvern.
Dawn l-għaqdiet volontarji se jkunu qed jingħataw għajnuna ta’ ħamest elef ewro kull wieħed biex il-gvern jgħinhom ikomplu l-ħidma tagħhom.
Waqt l-għoti ta’ din l-għajnuna, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li b’kollox kien hemm sebgħa u għoxrin sottomissjoni.
Qal li din hija r-raba’ edizzjoni ta’ għotjiet u hija l-akbar investiment dirett li qatt sar.
Il-Ministru Camilleri stqarr: “Propju llum ħabbarna kif tnejn u għoxrin NGO bbażati ġewwa Għawdex ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn ħamest ewro minn fond ta’ mija u għaxart elef. Dan propju sabiex inkomplu ngħinuhom fl-operat tagħhom u nkomplu ngħinuhom ukoll fil-ħidma volontarja tagħhom .”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-għanijiet ta’ din l-iskema huma li jitjieb it-tessut soċjali, kulturali u ekoloġiku ta’ Għawdex.
Il-Ministru Camilleri spjega kif wara l-imxija bdiet konsultazzjoni biex jiġi determinat l-impatt tal-pandemija fuq l-għaqdiet volontarji li joperaw fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Saħaq li b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, ġie deċiż li għal din is-sena, l-għaqdiet volontarji li applikaw b’suċċess, jingħataw il-possibilità li jipposponu l-implimentazzjoni tal-proġetti, inizjattivi u l-avvenimenti għad-dati ta’ wara li jieqfu ċertu direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.