1,319-il xerrej applikaw mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol sal- aħħar tal-2022 biex igawdu mill-iskemi ta’ għajnuna offruti mill-Gvern fil-kisba ta’ residenza privata fil-qalba tal-irħula u l-ibliet.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd hekk kif spjegat li dawk li gawdew minn dawn l-iskemi għamlu dan hekk kif xtraw residenza privata f’żona ta’ konservazzjoni urbana, bini mibni għal iżjed minn 20 sena u jkun ġie abbandunat għal iżjed minn seba’ snin u proprjetà ġdida mibnija fl-istess żoni skont il-kriterji approvati mill-awtorità kompetenti.
Flimkien dawn gawdew minn madwar €11-il miljun bejn għotjiet diretti jew iffrankar tal-boll, bl-iskop li tinżamm l-identità kulturali tal-lokalitajiet f ’pajjiżna, filwaqt li bini dilapidat jerġa’ jsir abitabbli.
Minn dan l-ammont, s’issa, jirriżulta lill-KullĦadd li ftit inqas minn €1 miljun diġà tħallsu f’għotjiet diretti lil 57 applikant li l-applikazzjonijiet tagħhom ġew ipproċessati taħt l-iskema prattikament ġdida fejn first-time buyers jagħżlu li jixtru r-residenza tagħhom f ’UCA.
Dawn huma maqsumin bejn 50 f ’Malta u 7 f’Għawdex.
Minbarra hekk, dawn, flimkien ma’ 1,262 kuntratt ieħor ta’ xiri ta’ proprjetà f’żoni urbani fl-aħħar sena, gawdew mit-tnaqqis sħiħ fil-ħlas tal-boll dovut, benefiċċju li ġie estiż sal-aħħar tal-2024.
Dan waħdu s-sena l-oħra laħħaq għal €10,290,244 jew medja ta’ €7,800 kull xerrej is-sena l-oħra. B’hekk first-time buyers, li xtraw residenzi f’żoni urbani, spiċċaw igawdu minn medja ta’ bejn €23,000 f’Malta u €38,000 f ’Għawdex.
Fl-istess proċess biex proprjetajiet ma jibqgħux battala u jkerrħu l-lokalitajiet, mat-3,500 bejjiegħ ta’ bini antik jew mitluq ibbenefikaw ukoll minn iffrankar ta’ ħlas tat-taxxa relatata. Il-valur ta’ din l-għajnuna jlaħħaq għal aktar minn €20 miljun f ’taxxa tal-proprjetà li ġiet frankata, li tfisser ukoll medja ta’ €5,800.
Minbarra hekk, sa mill-2017, il-Gvern diġà qassam aktar miljuni ta’ ewro f’għotjiet permezz tal-iskema “Irrestawra Darek” fejn first-time buyers ta’ binjiet residenzjali skedati fi Grad 1 u Grad 2, setgħu japplikaw għar-rifużjoni ta’ 70% tal-ispejjeż tax-xogħol tar-restawr u konservazzjoni fuq il-faċċata u l-intern sa massimu ta’ €100,000.
Sal-lum jirriżulta li fuq din l-iskema biss kien hemm aktar minn 2,245 ap- plikazzjoni li ġew validati u b’aktar minn €8 miljun diġà tqassmu lil madwar 53% minnhom.