L-inkjesta Vitals swiet iktar minn ħdax-il miljun ewro fi ħlasijiet ta’ esperti. U l-gazzetta t-TORĊA, żvelat kif dawn il-ħlasijiet saru b’direct order fuq struzzjonijiet diretti tal-Maġistrat inkwirenti li mexxiet l-inkjesta maġisterjali.
Il-Maġistrat Gabriella Vella ħatret l-esperti fi proċess dirett bl-esperti, ħafna minnhom barranin, magħżula mingħajr ebda sejħa.
Dawn l-esperti kien ilhom iktar minn erba’ snin jingħataw xogħol fuq din l-inkjesta u ġejjin u sejrin Malta. Biex imbagħad l-inkjesta spiċċat tlestiet eżattament mal-mument li fetħu n-nomini għall-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
It-TORĊA rrapportat kif l-ispejjeż mhux biss jinkludu l-ħlasijiet, iżda wkoll l-akkomodazzjoni ta’ meta l-barranin jiġu f’Malta, b’sorsi jgħidu lit-TORĊA li kienu jagħżlu fost l-iktar postijiet lussużi.
Mhux magħruf x’kienu l-kriteji mħadma mill-Maġistrat Vella biex jintagħżlu l-esperti f’inkjesta bħal din. Iżda, jirriżulta li ma jkunx sar proċess ta’ due diligence tal-esperti nfushom.
Kien innotat kif €11-il miljun huwa kważi d-doppju ta’ kemm il-puliżija jkollha allokat budget għal investiment kapitali ta’ kull sena.
Din mhux l-ewwel inkjesta li swiet miljuni kbar ta’ ewro u fuq kollox hija inkjesta li tmexxiet bi stil ferm differenti minn dak li l-leġiżlatur kien tkellem dwaru l-eks Ministru Tonio Borg meta fil-parlament tkellem dwar il-liġi tal-inkjesti nnifisha.
L-eks Ministru Tonio Borg, meta bħala Ministru imbotta din il-bidla li ċittadin seta’ jmur għand il-Maġistrat, kien ċar ħafna. Fost oħrajn kien insista fil-Parlament li ma setax ikun hemm persuna suspettata li ssir investigazzjoni dwarha u fuq kollox ma tingħatax id-dritt li tagħmel risposta. Prinċipju li fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella ġie mwarrab għal kollox.
“Il-Maġistrat għandu jordna li r-rapport, id-denunzja jew il-kwerela, skont ma jkun il-każ, jiġi notifikat lill-persuna suspettata filwaqt li jagħtiha żmien għal risposta u wara li jgħaddi dak iż-żmien, il-Maġistrat għandu jiddeċiedi jagħmilx l-aċċess,” kien qal Borg meta preżenta liġi li l-Maġistrat Vella njorat għal kollox.